Saturday, May 4, 2024

Deputat Nazzjonalista favur il-Gozo Tourism Authority

Alex Borg jibqa’ jsostni li l-kriminalità f’Għawdex żdiedet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li l-gvern għandu nuqqas ta’ viżjoni u pjan fit-tul għal Għawdex. Sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen li Għawdex għandu opportunitajiet enormi biex verament l-ekonomija tkun diversifikata. Huwa qal dan waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji allokati għal Għawdex fil-budget 2024.

Borg qal li jemmen li Għawdex baqagħlu x’jinvesti fl-ekoturiżmu u l-isports tal-avventura u fejn jidħlu l-industriji agrarji u s-snajja jistgħu minnhom infushom jattiraw aktar turisti lejn il-gżira.

“Nemmen li Għawdex għandu kapaċità li jkun destinazzjoni distinta ta’ kwalità li tkun aktar tajba minn ta’ Malta u li tattira turisti li verament per kapita jħallu aktar flus fil-bwiet tal-Għawdxin”, saħaq Borg filwaqt li saħaq li Għawdex għandu jkollu l-Awtorità tat-Turiżmu għal Għawdex, b’poteri eżekuttivi, finanzjarji u riklamar apposta u jiġu amalgamati d-direttorat tat-turiżmu fi ħdan il-Ministeru ma’ din l-awtorità sabiex isseħħ il-qabża li hemm bżonn.

Borg qal li d-demografija t’Għawdex inbidlet b’mod speċjali fl-aħħar għaxar snin u reġa’ semma li l-gvern mhux qiegħed jagħti l-appoġġ lill-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex biex jindirzzaw iż-żieda tal-kriminalità.

“Rajna żieda fis-serq, fil-ġlied fit-toroq, fid-droga u t-traffikar tagħha u minkejja li n-naħa l-oħra tal-Kamra jippruvaw igiddbuni u jiżufjettaw b’din il-problema, in-nies hemm barra jafu s-sitwazzjoni x’inhi”, tenna Borg.

Dwar il-Qorti t’Għawdex huwa qal li fl-opinjoni tiegħu dan mhuwiex postu hemmhekk u hemm bżonn ta’ pjan għal bini ta’ Qorti Ġdid li jkun iktar aċċessibbli u adekwat għal persuni anzjani u dawk b’diżabbiltà. Borg sostna li l-budget ippreżentat ma jsemmi xejn dwar il-bini tal-Qorti ġdid.

Sport