Saturday, November 23, 2024

Joseph Muscat jiċħad rapporti li kien qatta’ btala f’lukanda Franċiża ta’ Yorgen Fenech fl-2017; “Storja mill-aktar qarrieqa”

Aqra wkoll

L-eks-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad rapporti li qed jidhru fil-midja li huwa kien qatta’ btala f’lukanda fi Franza fl-2017, liema lukanda hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa akkużat li huwa l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’kumment li għamel fuq il-midja soċjali, Muscat saħaq li din hija storja mill-aktar qarrieqa. Tenna li minkejja li l-Ministru Edward Zammit Lewis kien ikkonferma mal-midja li din il-btala kienet saret fl-2014, “baqgħu jinsistu, bla ebda bażi ta’ evidenza, li din saret fl-2017.” Qal li l-għan ta’ dan huwa biex “jibnu invenzjoni” u jipprovaw jorbtu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Muscat żied jikkonferma li kien issejjaħ summit urġenti Ewropew wara li l-btala kienet ġiet skedata. Qal li hekk kif il-Ministru Zammit Lewis u l-familja tiegħu kienu mal-familja Muscat, huwa kien talab lill-Ministru Zammit Lewis biex jakkumpanjah għal-laqgħat tal-UE ladarba kien kollega tiegħu fil-Kabinett.

B’referenza għall-ajruplan li ntuża biex jattendi l-laqgħat, Muscat qal li dan huwa l-istess ajruplan li “konna nużaw meta dħalna fil-Gvern kien l-istess wieħed li kien juża Eddie Fenech Adami u wara Lawrence Gonzi.  Kien jiġi mikri mingħand Tumas Group kif kienu jagħmlu huma. Wara l-Gvern Malti daħal fi ftehim ma’ kumpanija oħra.” 

“Kif inhi proċedura, Kapijiet ta’ Gvern jużaw titjiriet privati ffinanzjati mill-UE biex inmorru għal laqgħat bħal dawn.  L-istess kien jiġri kieku jien kont qiegħed Malta.  La kelli Ministru miegħi, tlabtu li jiġi miegħi,” tenna Muscat.

Sport