Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-eks Prim Ministru Labrusita Dr Joseph Muscat ma kisirx l-etika meta siefer l-Italja mal-familja tiegħu fuq btala imħallsa minn persuna oħra f’Awwissu tal-2020. Dak iż-żmien Dr Muscat kien għadu deputat parlamentari.
Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand il-Professur Arnold Cassola. L-ilment kien jallega li l-btala ġiet imħallsa minn Pietro Catalfamo, sid ta’ kumpanija kkwotata fil-Borża ta’ Malta.
Is-Sur Catalfamo kien ukoll is-sid tal-kastell ta’ Collalto Sabino, fejn qagħdu Dr Muscat u l-familja tiegħu waqt il-btala.
Il-Kummissarju sab li s-safra kienet saret fuq stedina tas-Sinjura Diane Izzo, li organizzat riċeviment fil-kastell għall-familjari u l-ħbieb tal-qalb tagħha, inkluż Dr Muscat u l-familja tiegħu. Is-Sinjura Izzo nnegozjat arranġament mas-Sur Catalfamo fejn hija ħallset għall-catering u ngħatat akkomodazzjoni fil-kastell b’xejn għall-mistednin tagħha.
Skont il-kodiċi ta’ etika tad-deputati parlamentari, deputat ma jistax jaċċetta rigali mingħand persuni jew entitajiet li għandhom interess f’leġiżlazzjoni quddiem il-Parlament. Deputat li jsiefer għandu jiddikjara s-safar jekk dan jiġi mħallas minn persuni jew entitajiet bi interess simili. Biss, il-Kummissarju sab li ebda liġi li kienet quddiem il-Parlament dak iż-żmien ma kienet taffettwa l-interessi personali jew kummerċjali tas-Sinjura Diane Izzo.
Il-Kummissarju għalhekk ikkonkluda li Dr Muscat la kien obbligat jirrifjuta l-btala u lanqas jiddikjaraha, u ma laqax l-ilment.
Madankollu, il-Kummissarju tenna li l-kodiċi ta’ etika tad-deputati jirregola l-għoti ta’ rigali u benefiċċji oħra lid-deputati b’mod limitat wisq. Id-dispożizzjonijiet relevanti jiskattaw biss jekk deputat jingħata benefiċċju minn persuna jew entità li għandha interess f’liġi li dak iż-żmien tkun quddiem il-Parlament.
Id-dispożizzjonijiet ma jiskattawx jekk deputat jingħata benefiċċju bħala apprezzament minħabba kif ivvota jew tkellem dwar liġi li tkun diġà għaddiet mill-Parlament, jew biex titwitta t-triq għal xi liġi li tkun għadha ma tressqitx quddiem il-Parlament. Lanqas ma jiskattaw jekk deputat jingħata benefiċċju in konnessjoni ma’ xogħol ieħor tal-Parlament, per eżempju riżoluzzjoni biex art pubblika tingħata f’idejn privati.
Il-Kummissarju fakkar li f’Lulju tal-2020 huwa kien irrakkomanda li d-deputati għandhom jiġu pprojbiti milli jaċċettaw rigali, benefiċċji jew ospitalità jekk dawn iqegħduhom taħt obbligu fil-qadi ta’ dmirijiethom jew jistgħu raġonevolment jitqiesu li jkollhom dan l-effett. Din tkun projbizzjoni ferm aktar wiesgħa minn dik tal-kodiċi preżenti. Il-Kummissarju kien irrakkomanda wkoll li deputat għandu jkun obbligat jiddikjara kull rigal mogħti lilu jekk ir-rigal ikun ġie mogħti minħabba l-attivitajiet parlamentari u politiċi tad-deputat u jaqbeż il-valur ta’ €250.
Il-Kummissarju qal li għalkemm f’dan il-każ ma sab ebda ksur ta’ etika, xorta juri kemm huwa importanti għall-finijiet ta’ trasparenza li l-kodiċi ta’ etika tad-deputati parlamentari jiġi rivedut fuq dawn il-linji.