Minn Cristian Muscat
Josmar Vella huwa sinonimu ma’ Xewkija Tigers FC. Difensur sod, mexxej naturali u simbolu ta’ lealtà lejn il-klabb Għawdxi, Vella llum iġorr il-faxxa ta’ captain b’responsabbiltà kbira fuq spallejh, iżda bi kburija liema bħalha.
Il-vjaġġ tiegħu fil-futbol beda minn età żgħira ħafna u tul is-snin bena karriera mimlija mumenti sbieħ, sfidi, unuri u impenn kontinwu lejn il-komunità sportiva ta’ Xewkija. Dan is-sit ħadlu l-kummenti tiegħu fejn tkellimna dwar il-karriera tiegħu u anke l-progress ta’ Xewkija Tigers fil-futbol Għawdxi.
“Jien bdejt il-karriera tiegħi meta kelli tmien snin,” jibda jgħidilna Vella. “Kont fin-nursery ta’ Xewkija u minn hemm bdejt nilgħab. Din għalija hi d-dar tiegħi.” Dik ir-rabta mal-klabb baqgħet soda tul is-snin kollha, ħlief għal staġun wieħed meta ħa deċiżjoni mhux faċli li jmur b’self ma’ St Lawrence Spurs FC fit-tieni diviżjoni Għawdxija.
“Ma kinitx deċiżjoni ħafifa,” jistqarr Josmar Vella “Kelli xi injuries u ħassejt li kelli bżonn nerġa’ nibni aktar il-prattika għal-logħba sħiħa tiegħi. Dik kienet xi ħaġa importanti ħafna għalija. Mort hemm biex nibni pedament tajjeb għall-istaġun ta’ wara.” Esperjenza li għenitu jerġa’ jħossu kunfidenti u lest biex jerġa’ jieħu postu fil-qalba tad-difiża tat-Tigers.
Id-debutt tiegħu mal-kbar wasal kmieni ħafna fil-karriera. “Bdejt mal-kbar f’Diċembru tas-sena 2006. Kelli biss 15-il sena. Dħalt bħala sostitut kontra Qala Saints.” Dak l-istaġun ma kienx wieħed faċli għall-klabb, hekk kif Xewkija Tigers kienu spiċċaw relegati għat-Tieni Diviżjoni. Iżda kif jgħid hu stess, “minn diżgrazzja kellna grazzja.” Ir-relegazzjoni fetħet il-bieb għal diversi żgħażagħ, fosthom Vella, biex jieħdu aktar opportunitajiet u jikbru flimkien bħala tim.
L-ewwel unur tiegħu mal-kbar kien il-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, suċċess li jibqa’ mnaqqax f’qalbu. Iżda l-istaġun 2011/12 jibqa’ wieħed mill-aktar memorabbli. “Dak kien wieħed mill-isbaħ staġuni li qatt kelli. Kont ġej minn injury u bdejt l-istaġun mill-bidu. Lgħabt 20 logħba u kellna staġun perfett. Irnexxielna nirbħu l-ħames tazzi u l-ewwel kampjonat tiegħi mal-kbar. Unur importanti ħafna.”
Tul il-karriera tiegħu, Vella laħaq tragward sinifikanti fl-2020 meta lagħab il-200 partita uffiċjali tiegħu ma’ Xewkija Tigers, xhieda tal-konsistenza u d-dedikazzjoni tiegħu. “Li tasal għal 200 logħba ma’ klabb wieħed ifisser ħafna. Ifisser lealtà, sagrifiċċju u mħabba lejn il-flokk.”
Meta nitkellmu dwar mumenti speċjali, Josmar jiftakar episodju partikolari. “L-aktar gowl għall-qalbi kien penalty li skorjajt u kien deċiżiv. Kull kampjonat għandu storja, imma dak jibqa’ wieħed mill-aktar mumenti emozzjonanti għalija.” Ifakkar ukoll il-kampjonat tal-2011 kontra Nadur, meta draw ta’ 3-3 kien biżżejjed biex Xewkija Tigers jiċċelebraw it-titlu. “Bil-mod kif ħadnieh, nibqa’ niftakru għal dejjem.”
Illum, bħala captain, Vella jħoss piż differenti. “Hemm responsabbiltà numru ta’ plejers li għandhom esperjenza. Jiena sodisfatt minn dak li qed nagħmlu. Għandna skwadra tajba ħafna, plejers ta’ kwalità. Imma fl-aħħar mill-aħħar huma importanti r-riżultati għax mingħajr riżultati ma jiswa xejn. Qegħdin hemm iżda kif tispiċċa fil-klassifika jgħodd.”
Il-mexxejja vera jidhru mhux biss fil-logħbiet, iżda wkoll fil-mod kif jaħsbu għall-futur tal-klabb. Vella huwa attiv ukoll barra l-grawnd. “Fil-futbol ma’ Xewkija ngħin fejn ikun hemm bżonn. Naħdem għall-ġid tal-klabb u biex intejbu l-istruttura. In-nursery nemmen li hi l-bażi ta’ dan il-klabb.” Hu ilu involut fil-kowċing għal madwar 15-il sena, xi ħaġa li jiddeskriviha bħala passjoni kbira. “Il-kowing jogħġobni ħafna. Inħobb naqsam l-esperjenza tiegħi maż-żgħażagħ.”
Il-fiduċja tal-kowċ Jesmond Zammit fih huwa fattur li japprezza ħafna. “Meta tħoss li hemm min jafda fik, tagħtik aktar motivazzjoni biex tagħti kollox.” U dan jidher ċar fil-prestazzjonijiet tiegħu, fejn l-esperjenza tgħin biex iżomm l-iskwadra magħquda u ffukata fuq l-objettivi tagħha.
Barra minn hekk, Vella jemmen li s-suċċess ma jiġix b’kumbinazzjoni iżda b’dixxiplina u impenn ta’ kuljum. Hu jenfasizza kemm hu importanti li l-plejers iżommu saqajhom mal-art, anke meta jaslu r-riżultati pożittivi. “Il-konsistenza hi kollox,” jgħid, filwaqt li jisħaq li l-għaqda fid-dressing room tagħmel differenza kbira tul staġun twil u kompetittiv.
Skontu, il-miri jintlaħqu biss jekk kulħadd jaħdem fl-istess direzzjoni, mill-plejers, għall-istaff tekniku, sal-kumitat. Din il-mentalità, mibnija fuq rispett u sagrifiċċju, hija dak li jrid ikompli jittrasmetti kemm fil-grawnd kif ukoll fil-ħidma tiegħu mal-plejers żgħażagħ.
Meta mistoqsi dwar il-messaġġ tiegħu lill-partitarji, Vella ma jħallix dubju dwar kemm huma importanti. “Ibqgħu wara l-klabb. Jiġu mumenti sbieħ u oħrajn mhux daqstant sbieħ, imma partitarju ta’ veru ssibu fil-maltemp.” Kliem li jirrifletti mhux biss il-karattru tiegħu bħala plejer, iżda wkoll bħala bniedem li jifhem x’inhi l-identità ta’ klabb mibni fuq il-komunità.
Għal Josmar Vella, Xewkija Tigers mhuwiex biss klabb iżda parti mill-ħajja tiegħu. Minn tifel ta’ tmien snin fin-nursery, għall-captain u mexxej fil-grawnd, il-vjaġġ tiegħu huwa storja ta’ perseveranza, lealtà u mħabba lejn il-logħba. U waqt li jħares ’il quddiem, jibqa’ determinat li jkompli jħalli l-marka tiegħu, kemm bħala plejer kif ukoll bħala motivatur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

