Tuesday, July 14, 2026
Home Sport ‘Stil ta’ ħajja b’saħħita mhux biss tinvolvi moviment, iżda tikkonsisti wkoll dwar...

‘Stil ta’ ħajja b’saħħita mhux biss tinvolvi moviment, iżda tikkonsisti wkoll dwar dak li tiekol matul l-istadji kollha tal-ħajja’ – Kelly Ann Beerman

0
28

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Dejjem kelli passjoni kbira għall-isport, stil ta’ ħajja attiva u x-xewqa li nimmotiva lil ħaddieħor biex ikun l-istess. Inħobb ħafna lit-tfal u għalhekk iddeċidejt li nsir għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika, għax stajt ngħaddi dak li nħobb lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Minbarra dan, dejjem xtaqt nimmotiva lill-adulti li jgħixu stil ta’ ħajja impenjattiv u nħeġġiġhom iżommu ruħhom f’forma, u għalhekk nagħmel sessjonijiet ta’ personal training part-time.

Int tagħti ħafna importanza lil nutrizzjoni xierqa fl-isport. Iżda int tipprattika xi tip ta’ sport?

Iva jien nemmen li n-nutrizzjoni hija importanti ħafnaspeċjalment meta tkun persuna attiva. Jien kont nipprattika ż-żfin għal 20 sena. Madankollu, illum il gurnata nipprova insib ċans immur noġri jew immur sal gyn kuljum. Nemmen li ż-żfin għenni ħafna biex inkun konxja ta’ x’jiġifieri tgħix ħajja attiva u kif!

Naf illi għamilt studju partikolari fuq dan is-suġġett. Kemm għen lilek u lin-nies ta’ madwarek?

Nemmen li n-nutrizzjoni hija importanti ħafna għal kull persuna, kemm żgħira kif ukoll kbira fl-età. Bħala personal trainer li nispeċjalizza wkoll fit-taħriġ qabel u wara t-tqala, nemmen li huwa importanti u responsabbiltà tiegħi li niggwida lin-nies fuq vjaġġ ta’ ħajja b’saħħitha. L-istudji tiegħi għenuni u tawni l-aqwa għarfien meħtieġ biex niżgura li ngħin lin-nies bl-aħjar mod possibbli.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-familja?

Żgur li mhux faċli li wieħed jimmaniġġja xogħol full-time, xogħol part-time, it-trobbija ta’ familja u li kollox jimxi bla xkiel. Dejjem nemmen li l-immaniġġjar tal-ħin huwa essenzjali. Nipprova nagħmel it-taħriġ tiegħi fil-5 ta’ filgħodu qabel nibda x-xogħol, sabiex wara x-xogħol nista’ niffoka fuq il-klijenti tiegħi u fuq binti. Nemmen li l-appoġġ tal-familja tiegħi u ta’ żewġi huwa kruċjali f’dan kollu, u mingħajrhom ma jkunx possibbli li inlahhaq kollox.

Tinkwetak il-fatt illi hawn rata għolja ta’ obeżità f’Malta?

Iva, tinkwetani li Malta hija elenkata bħala pajjiż b’rata għolja ta’ nies obeżi. Nemmen li għandna nkomplu naħdmu fuq il-ħolqien ta’ aktar għarfien dwar l-importanza ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu, iżda fl-istess ħin nemmen li sar progress f’dan ir-rigward.

Ċerti ġenituri jsostnu illi l-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika mhux importanti minħabba illi jagħtu mportanza ikbar lejn il-lat akkademiku. X’inhi r-risposta għal dan ir-raġunament li xejn m’hu tajjeb?

Sfortunatment din hija mentalitá li nixtieq niġġildilha. Bħalapersuna li studjajt f’dan il-qasam, nixtieq ħafna li l-ġenituri jaraw l-importanza li ġġib magħha l-edukazzjoni fiżika fuq it-tfal kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali. Xi kultant nagħtu importanza lis-suġġetti akkademiċi għax nemmnu li fil-ħajja, it-tfal jirnexxu biss jekk jibbrillaw f’dawn is-suġġetti. Huwa vera li dawn is-suġġetti huma importanti peról-edukazzjoni fiżika hija importanti daqshom jekk mhux iktar. Ir-raġunament tiegħi għal dan huwa li t-tfal illum il-ġurnata iqattgħu ħafna ħin bilqiegħda u b’hekk l-edukazzjoni fiżika tgħinhom biex jiffriskaw moħħhom u jiċċaqalqu naqra; b’hekk ikunu jistgħu jerġgħu jikkonċentraw x’ħin jidħlu fil-klassi. Barra minn hekk, waqt il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika it-tfal jitgħallmu dwar x’jiġifieri tkun attiv u kif għandek tgħix ħajja sana. Jien nemmen li t-tfal għandhom ikollhom iktar lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika għax dan jgħinhom għas-saħħa mentali u fiżika tagħhom. 

Fejn tarak minn hawn u ħames snin oħra?

Fil-ħames snin li ġejjin, nittama li nkompli nimmotiva lin-nies biex jagħmlu eżerċizzju, ikunu b’saħħithom u jmexxu stil ta’ ħajja b’saħħtu. Fl-istess ħin, nixtieq inkompli naħdem mal-istudenti biex inħeġġeġ lit-tfal jieħdu sehem fl-isport wara l-ħin tal-iskola. Inħoss li huwa d-dmitr tiegħi li  ngħallimhom kemm nista’ u ngħinhom jispikkaw fl-isport u li wara l-lezzjoni dejjem jitilqu kuntenti. B’dan kollu f’moħħi, irrid niżgura li nkompli ninvesti fija nnifsi biex dejjem inkompli nitjieb, inżomm ruħi aġġornata ma’ kull għarfien ġdid u niżgura li nipprovdi l-aħjar kemm għall-klijenti tiegħi kif ukoll għall-istudenti tiegħi.

Int li għandek filosofija partikolari dwar in-nutrizzjoni fl-isport u li tgħix ħajja attiva, x’inhuwa l-messaġġ ewlieni illi tixtieq twassal?

Nemmen li stil ta’ ħajja b’saħħita mhux biss tinvolvi moviment, iżda tikkonsisti wkoll dwar dak li tiekol matul l-istadji kollha tal-ħajja. Nixtieq inkompli naħdem biex nenfasizza kemm huwa importanti li wieħed jiekol dieta sana u bilanċjata, li tibda minn età żgħira ħafna. L-ippjanar tal-ikliet u li tkun infurmat dwar dak li tiekol huma kruċjali biex tiżgura li tmexxi stil ta’ ħajja b’saħħita, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li tidħol f’xi forma ta’ attività fiżika, tkun fejn tkun. Kollox huwa possibbli sakemm tkun motivat biex tagħmlu.