Thursday, May 2, 2024

Jules Kounde u Wesley Fofana fir-radar ta’ Chelsea

Aqra wkoll

Jules Kounde ta’ Sevilla u Wesley Fofana ta’ Leicester City huma fil-lista qasira bħala difensuri ċentrali ta’ Chelsea qabel is-suq tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.

Il-Blues bħalissa mhumiex f’pożizzjoni li jiffirmaw players jew jinnegozjaw kuntratti ġodda mal-istilel tal-ewwel team minħabba s-sanzjonijiet li tpoġġew fuq is-sid Roman Abramovich.

Chelsea ħabbru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li kien intlaħaq ftehim biex konsorzju mmexxi minn Todd Boehly jieħu l-kontroll tal-club, u jekk il-ftehim jiġi ffinalizzat qabel l-iskadenza tal-31 ta’ Mejju, il-Blues se jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tat-trasferimenti dan is-sajf.

Id-diriġenti ta’ Chelsea Marina Granovskaia u Petr Cech identifikaw kemm lil Kounde kif ukoll lil Fofana bħala miri difensivi potenzjali dan is-sajf, li tal-ewwel wieħed hu maħsub li kien fuq ir-radar tagħhom għal xi żmien.

Kounde, ta’ 23 sena, kien ukoll marbut ma’ clubs bħal Barcelona u Manchester United u jinsab taħt kuntratt ma’ Sevilla sa Ġunju 2024.

Fofana ta’ 21 sena, sadanittant, ġie marbut ukoll ma’ ċaqliq ‘il bogħod, minkejja li xahrejn ilu ffirma kuntratt ġdid ta’ ħames snin ma’ Leicester, fejn estenda l-esperjenza tiegħu fil-King Power Stadium sa Ġunju tal-2027.

Chelsea mistennija jagħmlu rinforzi difensivi dan is-sajf, b’Antonio Rudiger ingħaqad ma’ Real Madrid, filwaqt li Cesar Azpilicueta u Andreas Christensen se jkunu bla kuntratt matul ix-xahar id-dieħel.

Sport