Wednesday, December 25, 2024

Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Konsumatur: Għal settur finanzjarju diġitali li hu ġust

Aqra wkoll

L-Għaqda tal-Konsumaturi, flimkien mal-Consumers’ International u l-200 organizzazzjoni tagħha madwar id-dinja, din is-sena fil-Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Konsumaturi, qed niffukaw fuq il-ħtieġa li noħolqu settur finanzjarju diġitali li hu ġust u faċli għal kulħadd. It-teknoloġiji diġitali llum qed jagħtu forma ġdida ta’ kif il-konsumaturi jħallsu, jissellfu, kif jinxurjaw irwiehom, u anki kif jieħdu ħsieb flushom billi jinvestu.

Fi stqarrija, is-Segretarju Ġenerali Evelyn Chetcuti qalet: “Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-konsumaturi qed ikollhom jużaw dan is-settur peress li s-servizzi finanzjarji li qed jiġu offruti llum kważi kollha huma b’forma diġitali. Filwaqt li aħna nirrikonoxxu l-potenzjal li għandu settur finanzjarju diġitali għax jagħti opportunitajiet lil kulħadd li juża l-prodotti finanzjarji b’mod aktar effiċjenti, aħna konxji wkoll li r-riskji involuti żdiedu speċjalment għal dawk il-konsumaturi vulnerabbli.”

“Dan it-tibdil kollu li qed isir fi żmien qasir ħafna juri l-ħtieġa li jkun hemm enfasi sew milloperaturi u sew mill-Awtoritajiet responsabbli mill-konsumaturi li jaraw li dawn is-servizzi u prodotti finanzjarji jkunu b’mod li jpoġġu lill-konsumaturi fiċ-ċentru sew min-naħa ta’ protezzjoni u sew biex ngħinu lill-konsumaturi vulnerabbli li jersqu aktar lejn dan is-settur b’aktar serħan tal-moħħ. L-akbar tliet problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi vulnerabbli Maltin huma l-ħlasijiet għas-servizzi finanzjarji, il-lingwaġġ li jintuża u anki kif jużaw dawn ilmezzi diġitali biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb flushom.”

“Rigward il-ħlasijiet imposti għas-servizzi finanzjarji, dawn qed jolqtu ħażin lil dawn ilkonsumaturi speċjalment fuq il-ħlasijiet fuq dormant accounts. Ir-raġuni hi li aktar ma konsumatur jikber fl-eta’ anqas ser ikollu opportunita’ li juża l-kontijiet li għandu. L-Għaqda tal-Konsumaturi tieħu l-opportunita’ biex tħeġġeġ lis-Sezzjoni tal-Kompetizzjoni fl-MCCAA biex tieħu deċiżjoni fuq it-talba li kienet għamlet fil-bidu tas-sena li għaddiet biex jiġu investigati l-ħlasijiiet imposti fuq il-konsumaturi mill-banek prinċipali f’Malta.”

Żiedet tgħid: “Inħossu wkoll li biex il-konsumaturi jużaw aktar is-servizzi finanzjarji b’mod effettiv hemm bżonn li l-informazzjoni li joħroġ dan is-settur tkun b’lingwa li tiftihem mill-konsumaturi kollha u mhux informazzjoni li tkun mimlija frażijiet tekniċi li ma tiftihemx millkonsumaturi.”

“Jekk irridu wkoll li l-konsumaturi Maltin, anki dawk vulnerabbli, li jibdew jużaw is-sistemi diġitali f’dan is-settur, hemm bżonn li dawn il-konsumaturi jingħataw aktar għajnuna. Hu għalhekk li l-Għaqda mhix kuntenta li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar banek qed jagħlqu branches fil-lokalitajiet. L-Għaqda temmen li l-branches huma essenzjali biex jgħinu lillkonsumaturi jużaw sew il-programmi u sew l-apparat diġitali tal-lum f’dan il-qasam.”

“Hemm bżonn ukoll li sew is-settur finanzjarju u l-Awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni b’aktar ħeġġa kontra scams, qerq u philsing, li jiżguraw li l-informazzjoni li għandu dan issettur tkun protetta, u li jespandu prodotti finanzjarji diġitali li jħarsu l-ambjent. L-Għaqda temmen li huma b’dawn l-azzjonijiet li barra li niżviluppaw dan is-settur fil-qasam diġitali, inkunu wkoll qed nagħmluha aktar faċli biex il-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jużaw u jħarsu flushom f’settur finanzjarju diġitali,” temmet tgħid.

Ekonomija

Sport