Tuesday, April 30, 2024

Il-PM jinawgura t-tieni fażi tal-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi minn ħamsa tal-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Malta. Din hija waħda mill-akbar fażijiet ta’ riġenerazzjoni li ilha għaddeja f’Ta’ Qali għal dawn l-aħħar sentejn, xogħol li ħa sena biex jitlesta b’investiment ta’ €14-il miljun.

Saru diversi xogħlijiet fost l-oħrajn sar intervent  ta’ 14,000 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid fejn tpoġġa madum tal-ogħla livell għal spazji u ġonna fil-miftuħ. Dan apparti mill-fatt li nħolqot pjazza maħsuba għall-attivitajiet kulturali u artistiċi. Sar investiment ta’ l fuq minn miljun ewro fuq landscaping ġdid, tħawwil ta’ mijiet ta’ siġar ġodda taż-żnuber, taż-żebbuġ u ħafna oħrajn.

Għaddew ukoll servizzi ġodda għall-irrigazzjoni, dawl kompletament ġdid mal-ġnien kollu u spazji ġodda għar-rikreazzjoni fosthom picnic areas f’żoni differenti. Apparti minn hekk, ġie restawrat ukoll l-anfiteatru kollu, inbnew mill-ġdid id-dressing rooms, kif ukoll se jkun hemm mal-fuq minn 850 siġġijiet ġodda għall-udjenza. Dan l-ispazju miftuħ ġdid qed jagħmel parti mill-proġett tar-riġenerazzjoni madwar Ta’ Qali kollu b’investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro li jagħmluh l-akbar investiment fuq spazju aħdar li qatt sar f’pajjiżna.

Ritratt: Roger Azzopardi

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-enfażi fuq il-kwalità tal-ħajja li trid tkun il-qofol li jridu jagħmlu bħala Gvern. “Il-politika tagħna trid tkun iċċentrata madwar il-bżonn li kulħadd f’pajjiżna jħossu li qed jgħix aħjar. M’hemmx dubju li dak li qed ninawguraw jikkontribwixxi bi kbir għal dan il-għan għaliex il-kwalità tal-ħajja iddur fuq diversi fatturi. Ċentrali hemm il-ħin ta’ rilassament u hawn se nagħtu wieħed mill-isbaħ postijiet fejn wieħed jista’ jirrilassa. Ta’ Qali se jkun wieħed mill-akbar xhieda ta’ kif f’dan il-pajjiż irridu u se nkomplu nilħqu livelli ġodda,” qal Dr Abela.

Semma l-Crafts Village li wasal għall-aħħar fażijiet tiegħu, semma l-proġett tas-Central Link, l-Adventure Park u qal li dawn huma proġett li se jgawdi l-poplu Malti kollu. Qal li b’dak li qed jagħmlu llum iridu li mhux biss il-familji jmorru hemmhekk iżda jmorru hemm f’ambjent li jkun jilqek aktar, ambjent sigur u ambjent li joffri spazju għal kulħadd. Qal li għalhekk sar investiment ta’ miljuni ta’ ewro biex hawnhekk il-familji mhux biss isibu ambjent sabiħ imma wieħed tal-ogħla livell.

Spjega li dak li qed jiġi inawgurat huwa biss it-tieni fażi fejn spazju li diġà kien jeżisti reġgħu tawh il-ħajja mill-ġdid, inkluż għall-fatt li daqs kemm jista’ jitgawda filgħodu, daqstant ieħor filgħaxija u jsir mekka ta’ attivitajiet.

Qal li f’dan il-proġett l-aktar li għandu għal qalbu huwa dak li għadu ġej – il-fażi li se tkun qed titlesta dalwaqt fejn żona li qabel kienet tintuża bħala fabbrika tal-concrete u għar-rimi ta’ skart, illum ħaduha u qed tiġi konvertita biex issir spazju miftuħ. Żied jgħid li l-għan tagħhom huwa li kulħadd jista’ jasal fi spazju aħdar miftuħ mingħajr il-ħtieġa li jaqbad karozza u biex jagħmlu dan iridu jkunu kreattivi. Qal ukoll li l-prospetti għaż-żmien li ġej huma sbieħ u qal li dak li qed jagħmlu issa huwa ċertifikat tal-kredibilità.

Ritratt: Roger Azzopardi

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-Park Nazzjonali ta’ Malta huwa spazju li qed jirduppjawh u anke fejn kien jeżisti, tawh l-attenzjoni u l-investiment li jixraqlu. Osserva l-fatt li ħafna familji jqattgħu ftit ħin f’dan il-post, pero eluf oħrajn jużaw Ta’ Qali bħala l-ispazju fejn jimxu u jipprattikaw l-isport tagħhom filwaqt li oħrajn minn żmien għall-ieħor jitkellmu fuq l-ispazju li jeħtieġu biex jagħmlu camping u faċilitajiet oħrajn. Qal li meta semgħu minn dan kollu, għażlu li jinvestu wara li jippjanaw permezz ta’ master plan iż-żona ta’ Ta’ Qali kollha. 

Żied jgħid li l-ispazju  li n-nies kellhom aċċess għalih qabel bdew dawn ix-xogħolijiet kien daqs ta’ tletin grawnd tal-futboll. Qal li meta jitlestew il-ħames fażijiet, in-nies se jkollhom daqs sittin grawnd tal-futboll bħala spazju li jistgħu jutilizzaw.

Ritratt: Roger Azzopardi

Tkellem dwar il-bżonn meħtieġ li anke t-teatru jerġa’ jingħata l-infrastruttura li jixraqlu u l-artisti jkollhom spazji ġodda fejn jistgħu jesebixxu x-xogħol tagħhom. Spjega li l-materjal huwa wieħed tal-ogħla kwalità. Fakkar li l-ewwel spazju li inawguraw kien dak ta’ Novembru permezz ta’ Adventure Park li issa għandu tagħmir ġdid u spazju ikbar. It-tielet wieħed huwa dak taż-żona tal-kunċerti u l-ispazju miftuħ, imbagħad hemm żoni oħrajn bħal Farmers Market.

Sport