Saturday, December 28, 2024

Jum qabel ma nqatlet, Bernice qalet lil kuġintha li qed tibża’ minn Roderick għax tilef il-kontroll

...tixhed il-kuġina tal-vittma

Aqra wkoll

Lejliet li nqatlet Bernice, hija bagħtet messaġġ lil kuġintha fejn qaltilha li tinsab imbeżżgħa għax żewġha Roderick tilef il-kontroll. Dan ħareġ minn xhieda fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar dwar il-qtil ta’ martu. 

Fil-Qorti, il-kuġina ta’ Bernice, Petra Jones, xehdet li Bernice kienet tibża’ ħafna minn Cassar. Jones qalet ukoll li fl-aħħar jiem qabel ma nqatlet Bernice, allegatament il-vittma kienet qed tirċievi telefonati ta’ spiss mingħand żewġha. Hawnhekk hija żiedet tgħid li minkejja li Bernice blokkjat in-numru tal-akkużat sabiex ma jċemplilhiex iktar, huwa kien qiegħed jibgħatilha l-e-mails u jċempillha fuq il-post tax-xogħol.  

Jones iddeskriviet dak li għaddiet minnu l-vittma bħala martirju u qalet ukoll li ftit qabel ma nqatlet Bernice, l-istess vittma rċeviet madwar 30 telefonata mingħand l-akkużat. Fir-rigward tat-telefonati hija qalet ukoll li l-akkużat ma kienx persuna li jaqta’ qalbu u li kien qed jagħmel minn kollox biex jagħmel kuntatt magħha. 

Fix-xhieda tagħha, l-istess xhud kompliet tgħid li f’okkażjoni minnhom iltaqgħet mal-vittma fejn qaltilha li hi u żewġha kienu għaddejjin minn xi problemi fir-relazzjoni tagħha fejn saħansitra semmiet li kellhom episodji ta’ vjolenza u li għalhekk kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni. 

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għall-imputat, filwaqt li l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella u Anthony Vella megħjuna minn Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija.  

Ekonomija

Sport