Il-General Workers’ Union tiċċelebra okkażjoni storika u memorabbli li għal darb’oħra tfisser pass importanti għall-unjin u l-eluf ta’ ħaddiema li nirrappreżentaw.
Bl-iffirmar tal-ftehim emendat mal-Gvern għall-Workers’ Memorial Building, grazzi għall-Gvern Laburista, il-GWU illum tista’ mhux biss tassigura il-futur tagħna, iżda wkoll tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn il-ħaddiema Maltin biex tiżgura li leħinhom jibqa’ b’saħħtu u protett għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, fejn il-GWU uffiċjalment ingħatat att emfitewtiku emendat mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, tat bidu għal era ġdida ta’ stabbiltà finanzjarja akbar għall-GWU, biex tippermetti lill-unjin li tibqa’ ffokata fuq il-missjoni tagħha: id-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli – era ġdida li fiha l-GWU tkompli tkun protagonista fil-bidla soċjo-ekonomika tal-pajjiż.
Żgur li ma kinitx kisba faċli. Wara kollox dan kien żvilupp ta’ kwistjoni politika u legali twila u bla bżonn, li bdiet fl-2017 meta l-Partit Nazzjonalista (PN), bla ebda provokazzjoni ta’ xejn, strumentalizza legalità teknika dwar l-att emfitewtiku bħala arma biex iġiegħel il-qrati jkeċċu lill-unjin mid-dar leġittima tagħha.
Madankollu, il-qrati qatgħuha kontra l-PN, u anzi rrikonoxxew li l-GWU mhux biss aġixxiet in bona fede iżda wriet li kienet lesta li tħallas kull ammont dovut lill-Istat għall-użu tal-art.
U din id-deċiżjoni għalhekk wittiet t-triq għal soluzzjoni kostruttiva, peress li l-Gvern ippropona emendi għall-ftehim ta’ kiri biex jirrifletti aħjar ir-realtajiet moderni tagħna. Issa b’dan il-ftehim, il-maġġoranza tal-binja WMB tintuża biss għal attivitajiet tat-trejdjunjin, iżda jippermetti lill-GWU tissulloka żoni magħżula tal-kwartieri, b’mod legali, u b’hekk tipprovdilna l-flessibbiltà finanzjarja meħtieġa biex insostnu l-operazzjonijiet tagħna.
Minkejja din is-soluzzjoni ġusta u raġonevoli, il-PN – li ma jistax jinfatam mill-antagoniżmu tal-mexxej preċedenti tiegħu lejn il-GWU – xorta vvota kontra l-ftehim emfitewtiku emendat fil-Parlament. Mossa diżappuntanti għal-aħħar iżda mhux sorprendenti, għax tafferma mill-ġdid l-ostilità ta’ dan il-partit lejn il-GWU. Għiduli inthom: għala partit politiku – wieħed li jaspira li jiggverna lill-Maltin u l-Għawdxin – ifittex li jdgħajjef l-akbar trejdjunjin tan-nazzjon, li tirrappreżenta aktar minn 54,000 ħaddiem?
Irrispettivament minn dan il-lanżit politiku, il-futur tal-GWU issa se jibqa’ mal-Workers’ Memorial Building – simbolu tal-istorja tal-unjin u tal-impenn sod tagħna lejn il-ħaddiema u s-soċjetà Maltija minn meta l-art ingħatatilna fl-1957 mill-gvern Malti.
Sa mit-twaqqif tagħha fil-5 ta’ Ottubru 1943, il-GWU kienet il-forza ewlenija fil-ġlieda għal pagi ġusti, sigurtà tal-impjiegi, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, ġustizzja soċjali u mobilità. Fi żmien meta l-ħaddiema ftit li xejn kellhom protezzjoni kontra kull tip ta’ sfruttament, il-GWU saret it-tarka u l-vuċi tagħhom. Mid-drittijiet bażiċi u ftehim kollettivi, għal liġijiet moderni dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, u d-dritt li tiskonnettja, il-GWU kienet minn ta’ quddiem f’kull riforma ewlenija tax-xogħol f’Malta.
Permezz ta’ din il-binja, u l-uffiċjali u l-ħaddiema li ħadmu hawn fis-swali tagħha, minn ħaddiema industrijali għal professjonisti moderni, il-GWU baqgħet dinamika u tħares ‘il quddiem. U filwaqt li dejjem irrispettat il-prinċipji li fuqhom inbniet, l-unjin adattat għall-bidliet ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, biex tiżgura li tibqa’ d-difensur ewlieni tad-drittijiet tal-ħaddiema.
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa wkoll rebħa għall-ġustizzja, ir-responsabbiltà, u l-governanza tajba. Għax il-GWU ħallset €1.99 miljun lill-Istat – ammont determinat minn valutazzjoni indipendenti – li turi l-impenn tal-unjin favur it-trasparenza u r-responsabbiltà.
Għalhekk, hekk kif niċċelebraw dan l-istadju importanti, inħeġġeġ lill-partijiet konċernati kollha – inklużi l-entitajiet politiċi – biex iħarsu lil hinn u jibdew jirrikonoxxu l-valur tat-trade unions f’demokrazija b’saħħitha. Id-drittijiet tal-ħaddiema qatt ma għandhom ikunu kwistjoni partiġġjana. Li niżguraw pagi ġusti, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, u s-sigurtà tal-impjieg, huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika.
Minflok jimminaw organizzazzjonijiet bħall-GWU, il-mexxejja politiċi tagħna għandhom jaħdmu magħna biex nibnu suq tax-xogħol aktar b’saħħtu u aktar ġust. Dan jinkludi t-trawwim kontinwu tad-djalogu soċjali. U l-GWU dejjem se tibqa’ miftuħa għad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-progress, sabiex taħdem id f’id mal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dan mhux se jinbidel. U bħalma l-Workers’ Memoral Building se tibqa’ d-dar tat-trejdjunjoniżmu, il-GWU se tkompli tkun it-tarka u l-vuċi tal-ħaddiema f’Malta.