Tuesday, December 24, 2024

Jurgen Degabriele u Stefano Sanderra … l-aqwa player u l-aqwa coach tax-xahar ta’ Marzu

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Hibernians, Jurgen Degabriele, rebaħ l-unur tal-BOV Player tax-Xahar għal Marzu, 2022. Din hija t-tieni darba li l-internazzjonali ta’ 22 sena skorja żewġ goals fix-xahar ta’ Marzu, fejn kiseb doppjetta fir-rebħa emfatika ta’ 4-1 għal Hiber­nians fuq Floriana, biex tahom spinta kbira għar-rebħ tat-titlu.

Jurgen lagħab ukoll fiż-żewġ partiti ta’ ħbiberija għat-team nazzjonali fejn skorja l-goal deċiżiv fir-rebħa 1-0 fuq l-Azerbaijan, waqt li kien fit-team Malti li għeleb lill-Kuwajt 2-0.

Ir-rwol fundamentali tiegħu fil-logħob offensiv kemm għall-club kif ukoll għall-pajjiż, huwa kliniku quddiem il-lasti, imtej­jeb fiżikament u b’ħila f’sitwazzjoni wieħed kontra wieħed, huma kollha attributi nnutati li raw lil Jurgen jirbaħ meritatament dan l-unur wara l-kontribut tiegħu f’Marzu.

Il-viċi-president tal-MFA, Adrian Casha, flimkien mar-rappreżentant tal-Bank of Valletta, Geoffrey Ghigo, ippreżentaw it-Trofew BOV Player tax-Xahar għal Marzu lil Degabriele li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.

Il-Bank of Valletta huwa mpenjat lejn saħħa tajba u benessri bħala parti mill-impenji ESG tiegħu bħala ċittadin responsabbli tal-Kommunità li jopera fiha.

Għat-tielet darba f’dan l-istaġun Stefano Sanderra rebaħ il-premju Coach tax-Xahar meta f’Marzu, Hibernians, taħt il-gwida tiegħu, baqgħu konsistenti jżommu sod fil-quċċata tal-klassifika u baqgħu kandidati b’saħħithom għar-rebħ tat-titlu. Il-players fil-ground ikkontribwew b’mod ċar għal dan iżda jfaħħru wkoll lill-coach tagħhom.

Dejjem umli u kompost, Sanderra ma jħalli jaħrablu xejn fit-tħejjija tat-team kemm tattikament, fiżikament u mentalment għal kull 90 minuta li jilgħab it-team tiegħu. Tliet rebħiet minn tlieta f’Marzu għal Sanderra u Hibernians, li għelbu lil Balzan 1-0 qabel ma kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 fuq ir-rivali diretti tagħhom għat-titlu, Floriana.

Il-Pawlisti għelbu wkoll lil Zejtun Co­rinthians bl-iskor ta’ 2-1 f’konfront mit-tieni round tal-Izibet FA Trophy.

Sanderra rnexxielu jikseb l-ogħla numru ta’ punti f’votazzjoni li saret mill-captains, team managers, staff tekniku u midja tal-Premier League.

Adrian Casha u Mario Bellizzi, li huwa l-Marketing Executive f’Motors Inc. ippreżentaw it-trofew lil Sanderra li anke hu għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.

Imwaqqfa fl-2016, Motors Inc. Limited huma d-distributuri uffiċjali tal-Jeep, il-marka emblematika rikonoxxuta mad-dinja kol­lha. Huma wkoll distributuri lokali ta’ Kia, Alfa Romeo, Fiat, Iveco, Abarth u Hyundai.

Ekonomija

Sport