Saturday, November 23, 2024

Justin Borg jibqa’ jinżamm arrestat … Omm il-vittma tisħaq li kien isawwat lil bintha anke meta kienet tqila bit-tarbija tiegħu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello komplet tinstema’ x-xhieda dwar il-każ tal-qtil ta’ Chantelle Chetcuti. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat Justin Borg. Hekk kif illum mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom tliet persuni, ħu l-vittma kien l-ewwel wieħed li ntalab jersaq biex jagħti x-xhieda tiegħu.

9:30 a.m: L-ewwel xhud tal-lum se jkun ħu l-vittma; Kersten Chetcuti. Huwa beda biex jgħid li oħtu qatt ma riedet tkun mal-akkużat u li sa minn meta kienu żgħar kien hu li kien dejjem jiġri warajha. Maż-żmien ħarġu flimkien u  saħansitra kellhom żewġt itfal flimkien. 

Kersten kompla biex jgħid li huma kellhom relazzjoni normali, iżda żied jgħid li meta l-akkużat kien joqgħod id-dar magħhom, kien ikun hemm xi tkissir. Qal ukoll li xi jiem qabel il-qtil, hu daħal bil-forza fir-residenza fejn kien hemm l-akkużat. Allega li hu kien xorob u li ħdejh kellu xi pilloli li kienu jgħinuh fl-irqad kif ukoll sikkina.

Kompla jgħid li biex jgħinuh iderri ħaduh dawra bil-karozza u li mat-triq hu qalilhom li kien miftiehem ma’ Chantelle ( Aktar tard ikkonferma li dan ma kienx minnu). Qal li ħin minnhom beda jinsisti li jrid imur ħdejha u li minkejja li ppruvaw, ma rnexxilhomx iżommuh. Għalhekk għażlu li jċemplu javżaw lill-vittma biex tkun taf li Justin kien se jmur jaraha.

Kersten qal ukoll li kemm-il darba spjega lill-akkużat li bejniethom kien spiċċa kollox, iżda dan tal-aħħar qatt ma’ aċċetta dan il-fatt. Tant hu hekk li saħansitra kien iċempillu biex jgħidlu kemm-il darba kien raha.

Ix-xhud kompla biex jgħid li dwar ir-relazzjoni tagħhom ftit li xejn jaf għax oħtu kienet pjuttost riservata. Spjega li hu kien jaf ftit dwar il-ħajja tagħhom mill-perjodu li għamlu jgħixu ma’ ommhom.

Ix-xhieda ta’ Kersten Chetcuti tintemm hawn.

10:00 a.m: Tkompli s-seduta. It-tieni fost ix-xhieda tal-lum hija omm il-vittma; Miriam Chetcuti, li tinsab f’siġġu tar-roti. Ix-xhud tgħid li ilha taf lill-akkużat minn meta kellu xi 14-il sena, peress li kien jilgħab ma’ binha Kersten. Hu kien dejjem jgħid lill-vittma li xi darba kienet se tkun l-għarusa tiegħu. Meta kellha 17-il sena, Chantelle ħarġet tqila bit-tarbija tal-akkużat u li dan tal-aħħar kien mar jifraħ għandha u qalilha “Jien ħabbiltha apposta lit-tifla.” Miriam kompliet tgħid li dak iż-żmien bintha kienet qiegħda tara raġel ieħor u li Justin baqa’ jiġri warajha sakemm irranġaw. 

Miriam kompliet b’ton ta’ rabja u qalet li lanqas biss jixraqlu ssejjaħlu b’ismu għax dak “monstru”. Kompliet tispjega li dejjem kien jaqla’ l-inkwiet u l-istorbju. Kompliet tgħid li mhux l-ewwel darba li sawwatha, anke meta kienet tqila bit-tarbija tiegħu. Miriam tippreżenta fil-qorti ritratti tal-ġrieħi li kienet issofri Chantelle. 

Tkellmet ukoll dwar theddid li kienet tirċievi mingħand l-akkużat meta kien iwissiha biex tagħmel li jgħidilha għax lil bintha ma tarahiex iżjed. Fis-sena ta’ qabel il-qtil, spiċċaw il-qorti l-familja ta’ Chantelle u Justin, u skont omm il-vittma, l-akkużat heddidha biex twaqqa’ l-kawża, għax inkella “lit-tfal ma tarahomx iktar.” Dak iż-żmien Chantelle talbet l-ommha tisma’ minnu għax skontha hi biss kienet taf sa fejn jasal l-akkużat.

L-aħħar jiem qabel il-qtil, l-akkużat kien qiegħed isegwi lill-bintha u beda jheddidhom li jekk ma tmurx lura kien se joqtolha. Spjegat li hu kellu ħabta kif iżiegħel biha imbagħad jaqlibielha xorta waħda.

Dakinhar tal-qtil, Chantelle kienet sejra mal-kuġini, imma biddlet fehmitha u ddeċidiet li tmur tilgħab il-billiard ma’ ħabib tagħha. Miriam kompliet tagħti aktar dettalji u qalet li bintha ħarġet f’xi l-4:00 p.m jew il-5:00 p.m u li rċeviet telefonata xit-8:00 p.m jew id-9:00 p.m fejn intalbet biex tmur l-għassa.

Tintemm ix-xhieda ta’ omm il-vittma.

10:40 a.m: Dylan Meilak; ħabib tal-akkużat, li l-akkużat kien jitkellem miegħu fuq ir-relazzjoni tal-koppja kellu jkun it-tielet xhieda tal-lum, iżda naqas milli jattendi. Minħabba din ir-raġuni l-Qorti se tkun qed timmultah €100.

L-Avukat Difensur Dr Franco Debono jgħid li x-xhieda prinċipali xehdu u qabbel dan il-każ ma’ dak tal-qtil ta’ Lassana Cisse fejn l-akkużati inħelsu mill-arrest biex jitlob għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni tfakkar li l-akkużat jgħix fl-istess akkwati tal-familja, u għalhekk, ma jkunx xieraq jew sigur li jinħeles. Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u fil-11 ta’ Settembru l-prosekuzzjoni mistennija tressaq żewġ xhieda oħra.

Sport