Monday, December 23, 2024

Juventus isellmu lil Leonardo Bonucci

Aqra wkoll

Juventus sellmu lil-leġġendarju tal-club, Leonardo Bonucci, li kkonferma l-irtirar tiegħu mill-isport fl-età ta’ 37 sena, nhar l-Erbgħa filgħaxija.

Il-Bianconeri kitbu li Bonucci kien ‘naqqax ismu fl-arkivji ta’ Juventus’ wara mixja mimlija trofej mis-sena 2010, maqsuma f’żewġ perjodi b’intervall qasir f’Milan fl-2017-18.

B’kollox, Bonucci għolla 19-il trofew ewlieni matul iż-żmien tiegħu f’Turin, inklużi disa’ titli tas-Serie A, li ħamsa minnhom ġew konsekuttivi qabel il-bidla tiegħu f’San Siro.

Dikjarazzjoni ta’ Juventus wara t-tħabbira ta’ Bonucci kienet:

“Player li fforma parti enormi mill-istorja riċenti tagħna ddeċieda li jħalli d-dinja tal-football. Leonardo Bonucci ddeċieda li jirtira mil-logħba li kien iħobb, tħabbira li tolqotna ħafna, għax Leo għandu ismu mnaqqax fl-arkivji ta’ Juventus: 502 partita milgħuba bil-flokk iswed u abjad, bi tmien titli tal-kampjonat, erba’ Coppa Italia u ħames Super Cups Taljani,” kitbu Juventus fi stqarrija ppubblikata fuq is-sit uffiċjali tal-club.

“Pilastru u wieħed mill-‘B’s’ tal-BBC, trio difensiv, li kien jinkludi lill-goalkeeper Gianluigi Buffon u lil Giorgio Chiellini, li kiteb tant paġni ta’ leġġenda, Bonucci qasam 12-il staġun magħna.

“Għedna addio f’Settembru li għadda, iżda l-ħajta li torbotna ma tistax tinqata’. Lanqas issa li Leo ddeċieda li jibda kapitlu ġdid f’ħajtu, li għalih nawgurawlu biss l-aħjar.”

Nhar l-Erbgħa filgħaxija kienu qed jiddaħħlu messaġi ta’ ġieħ minn partitarji u eks kollegi, inkluż mill-eks sieħbu tal-Italja u Juventus, Gianluigi Buffon, fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport