Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Ewropew tan-Nisa: Illum Malta tilgħab kontra l-Bosnja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti tan-nisa, immexxi mill-coach, Manuela Tesse, illum jilgħab it-tielet partita minn League B tal-UEFA Women’s Nations League meta fis-Centenary Stadium jaffronta lil dak ta’ Bosnja Herzegovina. 

Din se tkun partita ferm importanti għan-nisa Maltin li jippruvaw jiksbu l-ewwel tliet punti tal-kompetizzjoni wara li fl-ewwel żewġ logħbiet, kisbu draw ta’ mingħajr goals kontra l-Irlanda ta’ Fuq, barra minn darna, u sofrew telfa ta’ 2-0 kontra l-Portugall, f’pajjiżna.

Il-coach Tesse kellha ċ-ċans tissorvelja lill-players tagħha aktar fit-tul matul dan ix-xahar ta’ Mejju wara li l-istaġun domestiku ilu xahar li spiċċa. 

Għaldaqstant hija setgħet taħdem sew mal-players aktar mill-viċin għalkemm ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha dawk li jilagħbu barra minn xtutna, fosthom Haley Bugeja (Inter), Maya Cachia u Emma Lipman (Como), Rachel Cuschieri (Sampdoria), Maria Farrugia (Lewes C) u Kailey Willis (Venezia).

Il-coach Taljana tittama biex il-players jibqgħu dejjem konċentrati filwaqt li dej­jem jirrispettaw lill-avversarji.

Fil-kummenti tagħha hija qalet: 

“Din hija l-opportunità perfetta biex niksbu t-tliet punti, iżda rridu niġġieldu għal kull ballun, nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha ta’ goals li noħolqu, u nżommu d-dixxiplina tagħna fl-oqsma kol­lha tal-ground matul id-90 minuta. “.

Tesse żiedet tgħid, “Il-Bosnja huma kon­xji wkoll li potenzjalment kontra tagħna hija l-opportunità perfetta għalihom biex jassiguraw riżultat pożittiv, iżda rridu napprofittaw fuq il-vantaġġ bl-aħjar mod possibbli li se nkunu qed nilagħbu proprju f’darna u nirkupraw mit-telfa tal-Portugall ftit tal-ġimgħat ilu”.

Bosnja mhumiex team ġdid għalina minħabba li f’dawn tal-aħħar erba’ snin intlagħbu erba’ partiti bejn iż-żewġ timijiet. 

 Fl-istaġun 2019/20, Bosnja ħarġu rebbieħa darbtejn 2-0 u 3-2 fil-logħbiet validi mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjo­nat Ewropew. 

Sena wara, fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja, il-Bosnjaċi rebħu l-ewwel logħba bl-iskor ta’ 1-0 iżda fit-tieni partita l-Maltin irkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals għal draw ta’ 2-2, bil-goals jaslu fl-aħħar disa’ minuti minn Maria Farrugia (81) u Stephania Farrugia (90). 

Bosnja huma rrankjati fit-63 post tal-FIFA u ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi ta’ dan il-gurpp ta’ kwalifikazzjoni – kontra l-Portugall (3-0) u kontra l-Irlanda ta’ Fuq  (3-1). 

It-team huwa mmexxi minn Selver Hodzic, eks-difensur Bożnjak li ilu biss ftit xhur fit-tmun. Huwa għad irid idaħħal il-filosofija tiegħu fil-players Bosnjaċi iżda mhux se tkun faċli meta wieħed iqis li bdew b’żewġ telfiet. Minkejja kollox, l-għan tiegħu huwa dak li jikseb it-tliet punti minn dan il-konfront biex jinqala’ mill-aħħar post tal-klassifika.

Din se tkun ukoll l-aħħar partita tal-player Maltija, Dorianne Theuma (ritratt isfel), li se tirtira mill-karriera tagħha biex tiddedika aktar ħin għall-coaching. 

Wara li ħabbret l-irtirar tagħha x-xahar li għadda, hija ngħaqdet mal-kumplament tal-grupp waqt it-training camp immexxi mill-coach Tesse.

B’117-il dehra, Theuma tista’ tiftaħar, li ilha wkoll parti mill-istruttura tat-team nazzjonali għal aktar minn 20 sena.

Hija temmen li impenn għat-taħriġ, nut­rizzjoni tajba u s-sagrifiċċji, huma fost il- prijoritajiet biex il-ġisem b’saħħtu u tikkompeti fl-ogħla livell għal tant snin.

Hija faħħret ukoll l-isforzi tal-kollegi tagħha fit-team nazzjonali li lkoll għandhom għan wieħed li jkomplu jżidu u jżommu dan il-livell għoli b’entużjażmu u ħidma sfieqa, li fl-aħħar mill-aħħar huma essenzjali fit-tkabbir u l-iżvilupp tat-team nazzjonali. 

Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-7.30pm.

Ekonomija

Sport