Wednesday, October 9, 2024

Juża’ l-passjoni tiegħu billi jiġri 132.8 km b’risq is-Soup Kitchen

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġest li ta’ min ifaħħar huwa proprju dak li għamel atleta u fitness trainer ta’ 35 sena fl-aħħar sigħat.

Dan hekk kif, Stephen Michael Sammut Nurminen, irnexxielu juża’ l-passjoni tiegħu biex jgħin lin-nies fil-bżonn. Fl-aħħar sigħat huwa temm l-isfida tiegħu b’risq is-Soup Kitchen tal-Belt Valletta fejn ġera total ta’ 132.8km fuq medda ta’ 16-il siegħa. Huwa għamel dan madwar korsa li t-tul tagħha huwa ta’ 400m hekk kif dar madwarha għal 332 darba.

Fornitur tal-ikel sfidah biex jiġri kemm jista’ u li se jagħti ikla waħda għal kull 10 minuti li jiġri. Dan ifisser li hekk kif temm din l-isfida se jkunu provduti ammont sabiħ ta’ ikliet lis-Soup Kitchen.

Is-Soup Kitchen tgħin lin-nies bla dar hawn Malta billi tipprovdilhom l-ikel u l-atleta spjega li huma jirċievu bejn 70-90 talba kuljum. Dan kollu mmottivah biex iwettaq din l-isfida anke għall-fatt li huwa għandu għall-qalbu s-saħħa mentali u sostna li lanqas jista’ jibda jimmaġina minn liema sfidi jridu jaffrontaw dawn in-nies.

Stephen appella lin-nies biex jgħinu kemm jistgħu mhux biss matul l-istaġun tal-festi u tkellem ukoll dwar l-importanza li n-nies jibqgħu attivi. 

Ammetta li huwa jinsab tassew ferħan mhux biss għax kiser ir-rekord personali tiegħu ta’ 12-il siegħa, iżda aktar minn hekk għax jaf li b’dak li għamel għen lin-nies fil-bżonn. Sostna li l-fatt li kapaċi juża xi ħaġa li huwa passjonat dwarha biex iqajjem aktar kuxjenza huwa ta’ sodisfazzjon kbir.

Fl-aħħar nett huwa qalilna li issa jinsab ħerqan ukoll għal sfida kbira oħra li mistenni jagħmel is-sena d-dieħla.

Sport