L-Amerikana Katie Ledecky kisbet l-20 midalja tad-deheb tagħha assoluti fil-Kampjonati tad-Dinja Akwatiċi, u kisbet il-ħames titlu tan-nisa fl-1,500 metru freestyle wara li Matthew Richards mexxa 1-2 għall- Britannja fil-200m freestyle tal-irġiel meta l-bieraħ saret it-tielet ġurnata tal-għawm fil-pixxina f’Fukuoka, il- Ġappun.
Iċ-champion Olimpika seba’ darbiet, Ledecky, daħlet fit-tellieqa bħala l-favorita netta u spiċċat aktar minn 13-il sekonda aktar veloċi mit-Taljana, Simona Quadarella – it-tieni l-aqwa – fil-heats u kienet taħt ir-rekord dinji tagħha wara bidu sfurzat għall-finali.
Iżda l-pass ta’ Ledecky niżel ftit wara li ħadet vantaġġ kbir u ż-żagħżugħa ta’ 26 sena messet il-ħajt fi 15-il minuta, 26.27 sekondi biex spiċċat 17.04 sekondi aktar minn Quadarella li daħlet fi 15:43.31 u ħadet il-fidda filwaqt li ċ-Ċiniża Li Bingjie ħadet il-bronż fil-ħin ta’ 15:45.71.
B’hekk Ledecky irrispondiet għat-telfa li sofriet il-Ħadd kontra Ariarne Titmus fl-400m freestyle, meta kellha tikkuntenta bil-midalja tal-fidda.
Aktar kmieni, Matt Richards spiċċa b’saħħtu biex jikseb id-deheb quddiem il-kompatrijott tiegħu, Tom Dean, fl-avveniment tiegħu tal-200m freestyle fil-ħin sod ta’ minuta, 44.30 sekondi.
Iċ-champion Olimpiku, Dean, spiċċa 0.02 sekondi lura biex ħa l-fidda u Hwang Sun-woo tal-Korea t’Isfel ħa l-bronż, filwaqt li ċ-champion tad-dinja tal-2022, David Popovici tar-Rumanija, tilef post fuq il-podju.
L-Awstraljana Kaylee McKeown, rebbieħa ta’ midalja tad-deheb trippla Olimpika, ġarrbet esperjenza mill-aktar kerha wara li ġiet skwalifikata mill-200m medley individwali tan-nisa, iżda ż-żagħżugħa ta’ 22 sena pattiet għal dak id-diżappunt fil-100m backstroke.
Hija ssieltet għar-rebħa fl-avveniment f’57.53 sekondi biex għelbet iċ-champion tad-dinja tal-2022, Regan Smith tal-Istati Uniti, b’0.25 sekondi u lill-kompatrijotta tagħha, Katharine Berkoff, b’0.72 sekondi.
McKeown ma resqitx lejn ir-ritmu li taha r-rekord tad-dinja ta’ 57.45 sekondi fil-provi Olimpiċi Awstraljani tal-2021 iżda bidlet il- gerijiet wara li sabet ruħha wara Smith mal-aħħar dawra biex spiċċat l-ewwel bi istil.
It-Taljan Thomas Ceccon ma setax jimmira li jżid deheb oħra mal-kollezzjoni tiegħu wara li t-Tnejn rebaħ it-titlu tal-50m butterfly hekk kif l-Amerikan Ryan Murphy ħataf il-kuruna tiegħu tal-100m backstroke biex jgħolli s-saqaf tal-pixxina.
Murphy spiċċa fil-ħin ta’ 52.22 sekondi b’Ceccon 0.05 sekondi lura. Hunter Armstrong temm ġurnata tajba għall-Istati Uniti billi ħa l-bronż.
Ruta Meilutyte tal-Litwanja, li rebħet id-deheb fil-Logħob Olimpiku ta’ Londra 11-il sena ilu, kienet qed timmira għall-ewwel titlu dinji f’dan l-avveniment mis-suċċess tagħha fl-2013 f’Barċellona u dan irnexxielha tagħmel meta rebħet il-100m breaststroke fil-ħin ta’ minuta u 04.62 sekondi bil-fidda tmur għand Tatjana Schoenmaker tal-Afrika t’Isfel f’1:05.84 bil-bronż tirbaħha l-Amerikana Lydia Jacoby f’1:05.94.