Is-sajf Malti jġib miegħu influss qawwi ta’ nies li jagħmlu użu mill-kosta tagħna biex iqattgħu ftit tal-ħin ħdejn il-baħar. B’hekk huwa importanti li wieħed igawdi dawn iż-żoni b’mod xieraq u prudenti, mingħajr ma jkun ta’ periklu għalih jew għal nies oħra madwaru.
Hekk stqarr il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt tnedija ta’ kampanja edukattiva li se tkun qed titmexxa minn Transport Malta (TM) bl-isem ta’ Fuq il-Baħar, Moħħok Hemm. L-iskop ewlieni ta’ din il-kampanja huwa li toħloq għarfien ta’ kif wieħed jista’ jġib ruħu b’mod xieraq u prudenti fuq il-baħar – b’mod speċjali tul ix-xhur tas-sajf.
Il-Ministru Farrugia qal li filwaqt li l-edukazzjoni hija importanti, l-infurzar jassigura li r-regoli qed jiġu segwiti u b’hekk irringrazzja lill-uffiċjali tal-Infurzar Marittimu ta’ Transport Malta li jaħdmu qatigħ b’mod speċjali tul ix-xhur tas-sajf biex iżommu l-ibħra Maltin siguri. Ħafna minn dan ix-xogħol iġib miegħu ħinijiet twal ‘il bogħod mill-familja u f’temp li ma jgħinx biex wieħed jaħdem fuq barra. Il-Ministru saħaq ukoll li l-gvern huwa kommess li jaħdem fuq kull livell biex tiżdied is-sigurtà u rrimarka li l-imġiba kollettiva hija essenzjali kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.
Il-kampanja ta’ din is-sena se tkun qed tiffoka fuq dawn il-punti:
1) L-użu tal-life jackets
2) L-użu xieraq ta’ mollijiet u slipways
3) L-Avviżi lill-Baħħara
4) Il-fairways
5) L-immaniġġjar tal-iskart fuq il-baħar
6) Id-daqq ta’ mużika fuq il-baħar
7) Veloċità eċċessiva
8) L-użu xieraq ta’ swimmer designated zones
9) L-irbit tad-dgħajjes
10) It-trasport ta’ dgħajsa fuq karru
11) L-użu xieraq tal-kill chord
12) It-tindif tad-dgħajsa.
Din l-attività ġiet indirizzata ukoll mid-Direttur tal-Infurzar Marittimu fi ħdan TM Patrick Pollacco u għaliha attendew ukoll d-Deputat Kap Eżekuttiv Kevin Farrugia, Manager fid-Direttorat tal-Infurzar Rudolph Muscat u numru ta’ uffiċjali tal-infurzar marittimu.