Il-Gimgħa, ingħata bidu għall-aħħar parti tal-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker, dik miftuħa għal dawk taħt il-21 sena fejn Caiden Casha rrnexxielu jirbaħ waħda mill-logħbiet tiegħu u kien l-uniku Malti li rebaħ illum.
Matul dan il-kampjonat li qed isir f’Antalya, t-Turkija, l-kategorija ta’ taħt il-21 sena hija l-aktar importanti mit-tliet kategoriji kollha għal fatt li rebbieħ tagħha jirbaħ World Snooker Tour Card għal sentejn fejn f’dak il-perjodu jkollu ċ-ċans li jaqleb bħala plejer professjonali. Din l-opportunita’ tiġbed l-aqwa talent żagħżugħ mill-Ewropa kollha u b’hekk il-livell dejjem ikun wieħed għoli ħafna.
F’din l-ewwel ġurnata mill-fażi tal-gruppi l-partecipanti Maltin lagħbu żewġ l-logħbiet kull wieħed fejn ir-rebħa ta’ Caiden Casha waslet fit-tieni konfront tiegħu wara li aktar kmieni kien tilef kontra Oliver Briffett-Payne ta’ Wales. L-avversarju ta’ Caiden fit-tieni logħba kien il-Belġjan ta’ 20 sena, Stef Nuytkens, li fetaħ mill-ewwel fil-vantaġġ u rebaħ l-ewwel frame. Minkejja dan ż-żagħżugħ Malti li għad għandu 13-il sena rrisponda b’kuraġġ u barra li rebaħ it-tieni frame kompla għaddej biex rebaħ l-logħba 3-1, bil-punteġġi tal-frames ikunu; 50-63, 51-40, 58-48 u 65-44.
Dan kien l-aħjar riżultat tal-Maltin għal fatt li fit-tmien logħbiet l-oħra il-plejers Maltin ħarġu telliefa.
Is-Sibt tintemm il-fażi tal-gruppi fejn Caiden Casha biss fadallu jilgħab żewġ logħbiet għal fatt li jinsab fil-grupp li fiħ b’kollox ħames plejers. Matthias Debono, Chaylon Castaldi, Xavier Rizzo u Jake Castaldi jonqoshom jilgħabu logħba oħra iżda wara żewġ telfiet iċ-ċans li jikkwalifikaw huwa diffiċli.
Aktar kmieni llum il-European Billiards and Snooker Association ħabret il-lista tal-plejers li huma rreġistrati għall-Kampjonat Ewropew li jibda nhar it-Tnejn u li għandu format open. B’kollox wieħed isib 173 plejer minn 37 pajjiż fosthom seba’ Maltin. Bħal ħafna drabi l-akbar kontingent ikun ta’ dak tal-pajjiż li jorganizza, din is-sena t-Turkija li mistennija jkollhom 15 il-plejer.