Tuesday, May 14, 2024

Kampjonat Ewropew tal-waterpolo: Wirja qalbiena mhux biżżejjed għall-Maltin

Aqra wkoll

Malta………………8

Franza………….15

(1-1, 2-4, 4-3, 1-7)

Wirja qalbiena mill-Maltin ma kinitx biżżejjed hekk kif huma sfaw megħluba mit-team nazzjonali ta’ Franza bl-iskor ta’ 15-8, f’partita li fiha pajjiżna żamm il-pass mal-avversarji iktar ikkwotati għall-ħinijiet twal. Dan ħlief għar-raba’ u l-aħħar sessjoni li fiha l-Franċiżi ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 7-1, fejn bdiet tinħass ftit l-għejja fost il-Maltin.  

Għall-Maltin, bħall-ewwel logħba kontra l-Kroazja reġa’ spikka ferm il-goalkeeper Jake Tanti li salva diversi goals ċerti biex ċaħħad lill-Franċiżi milli jiksbu rebħa bi skor ikbar.

Malta issa taffronta lis-Slovenja nhar il-Ħadd li ġej għall-possibiltá li nilagħbu l-partita għat-13 u l-14-il post li jkun post storiku għall-waterpolo Malti.

Fl-ewwel sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 1-1, b’Mehdi Marzouki, jiftaħ l-iskor għall-Franċiżi, waqt li l-captain Matthew Zammit minn back-hand stupend mill-viċin ġab l-iskor indaqs għall-Maltin.

Fit-tieni sessjoni, Franza wettqu reazzjoni tajba u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2, bil-goals għalihom jaslu minn David Gaumette, Alexandre Bouet, Enzo Khasz u Mehdi Marzouki. Liam Galea minn backhand mill-isbaħ u Matthew Zammit ukoll minn back-hand stipend wieġbu għal pajjiżna.

Iżda l-Maltin ma ċedewz u permezz ta’ wirja mill-aqwa rebħu t-tielet sessjoni b’punteġġ ta’ 4-3, fejn għalihom irnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Ben Plumpton, Dino Zammit (2) u Sam Gialanze. Enzo Khasz, Romain Vernoux-Marion u Charles Canonne wieġbu għall-Franċiżi.

Fir-raba’ sessjoni, il-Franċiżi ħadu r-riedni tal-logħba għal kollox f’idejhom fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 7-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Romain Marion-Vernoux (2), Ugo Crousillat, Vanpeperstraete, Emil Bjorch, Enzo Khasz u David Caumette. Ben Plumpton skorja l-uniku goal għal pajjiżna.

Malta: 1-Jake Tanti, 2-Sam Gialanze (1), 3-Liam Galea (1), 4-Jamie Gambin, 5-Darren Zammit, 6-Matthew Zammit (2), 7-Ben Plumpton (2), 8-Nicholas Bugelli, 9-Jeremy Abela, 10-Nikolai Zammit, 11-Benji Cachia, 12-Dino Zammit (2), 13-Nicky Grixti Coach: Karl Izzo

Franza: 1-Clement Dubois, 2-David Caumette (2), 3-Ugo Crousillat (1), 4-Alexandre Bouet (1), 5-Enzo Khasz (3), 6-Thomas Vernoux, 7-Romain Marion-Vernoux (3), 8-Emil Bjorch (1), 9-Mehdi Marzouki (2), 10-Charles Canonne (1), 11-Vanpeperstraete (1), 12-Andrea De Nardi, 13-Hugo Fontani Coach: Florian Bruzzo

Referees: Nora Debreceni (Ungerija), Robert Horvath (Slovakkja)

Sport