Meta lbieraħ ġew fi tmiemhom it-tmien l-logħbiet tal-aħħar 16 tal-Kampjonat Ewropew organizzat f’Malta mill-European Billiard and Snooker Association, l-uniku player Malti li kien fadal fit-tournament, Alex Borg, ma kienx fil-forma li wera matul din il-ġimgħa tant li ġie eliminat bl-iskor ta’ 4-0.
L-avversarju tiegħu kien il-player ta’ 25 sena mil-Latvja, Rodion Judin, li l-Ħamis u l-bieraħ kien f’forma eċċellenti u dan jixduh anke r-riżultati li kiseb.
Fil-fatt huwa kien l-uniku player li issa għadda għall-aħħar tmienja meta l-bieraħ ried jilgħab u jirbaħ żewġ logħbiet u dan it-tragward laħqu peress li fir-round preliminari għeleb lil Nadav Biton ta’ Iżrael 4-0, fl-aħħar 64 kiseb rebħa identika ta’ 4-0 kontra l-Ingliż, Martin O’Donnell, u aktar tard filgħaxija elimina lill-Ingliż l-ieħor, Patrick Whelan, bl-iskor 4-2.
Prattikament huwa ġab lill-player Malti ineżistenti tant li mill-ewwel frame kiseb żewġ breaks, wieħed ta’ 57 punt u ieħor ta’ 54 punt u għalaq dan il-frame inizjali bil-punteġġ ta’ 111-0 u ftit ħin wara għalaq it-tieni frame 62-9.
Fit-tielet frame Borg ipprova jibni ftit punti vantaġġ iżda kif Judin ingħata iċ-ċans għamel break ta’ 58 u għalaq il-frame 92-47. Ir-raba’ frame li eventwalment kien l-aħħar wieħed tal-logħba, il-player tal-Latvja għal darb’oħra kien preċiż u rebaħ il-frame 66-1 biex għalaq il-konfront.
Fil-logħbiet l-oħra r-riżultati tal-Aħħar 16 kienu dawn: Shackar Ruberg (Iżrael) v Florian Nuble (Awstrija) 4-1; Ross Muir (Skozja) v Heikki Niva (Finlandja) 4-2; Robin Hull (Finlandja) v Jack Bradford (Wales) 4-2; Harvey Chandler (Ingilterra) v Liam Graham (Skozja) 4-1; Ross Bulman (Irlanda) v Bulcsu Revesz (Ungerija) 4-3; Michael Collumb (Skozja) v Ashley Carty (Ingilterra) 4-4; Brendan O’Donoghue (Irlanda) v Iulian Boiko (Ukranja) 4-0.
Fost it-telliefa hemm żewġ champions Ewropew friski tal-kategoriji, Bulcsu Revesz ta’ Taħt it-18-il-sena, u ċ-Champion ta’ Taħt il-21 sena, Liam Graham.