Wednesday, April 24, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Magħrufa s-semi-finalisti

Aqra wkoll

Wara li saru l-erba’ kwarti finali tal-Kampjonat Ewropew tas-Sooker saru magħrufa l-erba’ semi finalisti li għada xi ħadd minnhom jirbaħ it-titlu ta’ Champion tal-Ewropa u nominazzjoni mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għall-istaġuni 2023/24 u 2024/25.

Fost dak li għaddew insibu żewġ Skoċċiżi Ross Muir u Michael Collumb, il-Fillandiż Robin Hull u Ross Bulman tal-Irlanda. Iż-żewġ Skoċċiżi jistgħu jiltaqgħu flimkien filgħaxija fil-finali biss.

Fl-ewwel semi finali li tibda fl-10 a.m., Ross Muir ser jilgħab kontra Robin Hull filwaqt li Michael Collumb jiltaqa’ ma Ross Bulman fit-tieni semi finali li tibda fis-1 p.m.

Il-finali ser ssir fuq format ta’ disa’ frames u tibda fl-6 p.m.

Ftit Informazzjoni dwar l-aħħar erba’ kompetituri li fadal:

Ross Muir, ta’ 27 sena li sar professjonali fl-2013 wara li kkwalifika mit-tieni event tal-Q School. Player professjonali tal-isnooker bejn l-2013 u l-2019. Wara li rtira mis-snooker professjonali fi tmiem l-istaġun 2018/2019 wasal sas-semifinali tal-2020 World Championship li saru hawn Malta u dan l-istess Kampjonat Ewropew tal-E.B.S.A. li sar fil-Portugall.

Robin Hull, għandu 48 sena b’aktar minn 20 sena esperjenza ta’ snooker professjonali. Huwa rnexxielu jirbaħ dan il-Kampjonat E.B.S.A. darbtejn fl-1997 fl-edizzjoni li saret fi Franza u għaxar snin ilu, 2013, fil-Polonja filwaqt li spiċċa bħala runner up f’pajjiżu, il-Finlandja, 30 sena ilu fl-1993. F’dan l-isport magħruf bil-laqam ta’ Flying Finn u meqjus bħala l-aqwa player tas-snooker ta’ kull żmien minn pajjiż Nordiku. Hawn Malta kkompeta fil-Malta Cup tal-2006 li kienet tournament ta’ ranking professjonali. Huwa kien laħaq il-kwarti tal-finali u beda l-kompetizzjoni billi fl-ewwel round, imsejjaħ bħala l-Wild Card Round, għeleb lill-eks champion lokali Simon Zammit.

Michael Collumb, player amateur ta’ 34 sena li rebaħ l-ewwel finali tal-Kampjonat Nazzjonali Skoċċiż matul l-istaġun 2018/19 fi Glasgow. Ikkwalifika u ħa sehem diversi drabi fil-Q School. F’Malta kien ipparteċipa matul 2018 WSF Championship fejn wasal mal-aħħar 16 u WSF Open tal-2020 fejn wasal sal-fażi l-aħħar 32. Waqt il-2018 WSF Championship rebaħ lil żewġ players Maltin, Joseph Casha u Philip Ciantar.

Ross Bulman, żgħażugħ ta’ 21 sena li huwa player amateur meqjus bħala stilla Irlandiża tal-futur li rebaħ aktar minn darba l-Irish National Champion ta’ Taħt id-19-il sena u diġa’ ikkompeta diversi drabi waqt kompetizzjonijiet tal-Q School. Waqt il-pretiġjuż UK Championship tal-2019 li jsir ġewwa Barbican Center f’York l-Ingilterra kien lagħab kontra Ronnie O’Sullivan fl-ewwel round.

Sport