Saturday, October 26, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Malta: Magħrufa l-finalisti tal-ewwel finali ta’ Taħt is-16-sena

Aqra wkoll

Fit-tieni jum ta’ dan il-kampjonat kien hemm stennija għal min kien ser jirnexxielu jikkwalifika għall-ewwel finali ta’ din l-edizzjoni, dik ta’ Taħt is-16-sena. Din il-kompetizzjoni llum issuktat bil-kwarti finali u s-semi finali.

Is-semi-finali ġew ikkontestati bejn Andrejs Pripjoks (Latvja) kontra Jack Borwick (Skozja) u Maksim Kostov (Bularija) kontra O`Shay Scott (Ingilterra) fejn Borwick u Kostov kellhom rebħiet konvinċenti bi skor identiku ta’ 3-0 biex għada dawn dawn iż-żewġ żgħażagħ jissiltu għall-ewwel unur ta’ dawn il-kampjonati. Din il-finali għada ser tintlagħab fis-6 p.m. u ser tkun trasmessa b’mod dirett fuq TVM Sports+.

Illum bdiet ukoll il-kompetizzjoni ta’ Taħt it-18-il sena u l-logħbiet tal-gruppi jkomplu għada fejn anke’ l-kontestanti Maltin f’din il-kategorija li huma Jamie Buhagiar, Adam Pace, Luke Pace u Xavier Rizzo jkollhom logħba oħra x’jilgħabu. Mill-fażi tal-gruppi għan-Knock Out ser jikkwalifikaw 48 player.

Waqt il-logħbiet tal-lum ġie rregistrat l-ewwel ‘century’ tal-kampjonat fejn fil-kategorija ta’ Taħt it-18-is-sena Iulian Boiko tal-Ukranja għamel break ta’ 107 għalkemm aktar tard wara nofsinhar l-Ingliż Liam Pullen wettaq break aħjar, dak ta’ 111.

Mill-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ ikun jonqos ukoll dik ta’ Taħt il-21 sena fejn l-ewwel logħbiet f’din il-kategorija jibdew il-Ħamis u 96 player huma rregistrati biex jieħdu sehem.

Sport