Meta bejn illum u għada tintlagħab il-11-il ġurnata qabel waqfa ta’ ġimagħtejn minħabba l-impenji tat-team nazzjonali, l-aktar partita attraenti hija dik bejn Birkirkara u Gzira United, li jinsabu fit-tielet u fit-tieni post tal-klassifika rispettivament.
Minn dan il-konfront jistgħu jkomplu jgawdu l-leaders Hamrun Spartans fejn teżisti possibbiltá li jistgħu jkabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika.
Partita oħra hija dik bejn Gudja United u Floriana li jimmiraw li jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq bl-objettiv tagħhom ikun li jikkwalifikaw għall-kompetizzjoni tal-UEFA Conference League.
Birkirkara v Gzira U. – Birkirkara jaffrontaw lil Gzira United f’dik li hija partita oħra diffiċli għalihom.
Bla dubju, huma jimmiraw għal rebħa wara li ilhom ma jagħmlu dan għal dawn l-aħħar ħames ħarġiet … fejn kisbu biss tliet punti minn massimu ta’ 15 biex qatgħu għal kollox il-kuntatt mal-Ispartans wara bidu ferm pożittiv.
Min-naħa l-oħra, rebħa hija imperattiva għall-Maroons għax inkella jkompli jikber id-distakk minn mal-leaders u b’telfa jintlaħqu mill-istess Karkariżi.
Għal Birkirkara jirritorna Alessandro Coppola minn sospensjoni filwaqt li Gzira għandhom lil Jackson Mendoza nieqes għax sospiż.
Hibernians v Pietá H. – Hibernians jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jiltaqgħu kontra Pietá Hotpsurs li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
Peró, il-Pawlisti għandhom juru rispett massimu lejn l-avversarji li fl-aħħar partita tagħhom irnexxielhom jiksbu punt kontra Marsaxlokk.
Fl-istess waqt huma jittamaw li Jurgen Degabriele jkun fil-forma solita tiegħu wara li fl-aħħar partita naqas li jsib ix-xibka avversarja.
Dan huwa konfront li fih ma jistgħux iwaqqgħu l-punti wara żewġ draws.
Huma se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Dunstan Vella minn sospensjoni iżda għandhom lil Gonzalo Llerena sospiż.
Il-Hotspurs se jkunu bl- aħjar formazzjoni.
Zebbug R. v Hamrun S. – Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Zebbug Rangers fejn jimmiraw li jkomplu għaddejjin bil-mixja trijonfali tagħhom.
Dan se jkun it-13-il konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fl-ogħla diviżjoni fejn l-Ispartans rebħu 10, waħda spiċċat fi draw … u l-unika rebħa Żebbuġija waslet nhar id-29 ta’ Diċembru, 1973, bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jiġi skorjat minn Emanuel Farrugia I.
Għaż-Żebbuġin jirritora Wilker Rocha Santos minn sospensjoni iżda Yanis Tonna huwa sospiż.
Sta Lucia v Valletta – Valletta għandhom iċ-ċans li jirreġistraw it-tielet rebħa konsekuttiva meta jiltqgħu kontra Sta Lucia li ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Floriana.
Wara sensiela ta’ logħbiet negattivi, il-Beltin jidhru li ġejjin f’tagħhom għalkemm jinsabu distakkati b’sitt punti miż-żona Ewropea.
Peró għad fadal 16-il partita u jekk juru konsistenza fil-logħob tagħhom ma tkun l-ebda sorpriża biex jilħqu l-objettiv tagħhom.
Miguel Angel Alba jirritorna minn sospensjoni għal Luċjani iżda ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiż Diego Francarolli Pacheco.
Gudja U. v Floriana – Dan huwa konfront li jista’ jmur kull naħa minħabba li huwa wieħed bilanċjat.
Iżda xejn għajr minn tliet punti ma jissodisfaw il-kriterji tagħhom. Rebħa għal Gudja tkun tfisser li jżommu l-pass maż-żona Ewropea filwaqt li rebħa għal Floriana tqabbiżhom punt fuq l-istess Gudjani.
Dawn tal-aħħar kisbu rebħa waħda biss mill-aħħar ħames logħbiet.
Min-naħa tagħhom, il-Greens għandhom problema hekk kif huma neqsin minn dak l-attakkant pur li jixħet il-ballun fix-xibka … meta minn 10 partiti huma skorjaw biss tmienja … u tlieta minnhom waslu minn penalties … medja ta’ goal kull 113-il minuta!
Għalihom jirritorna Fernando Juarez filwaqt li l-Gudjani se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Andre Prates u Juan Bolanos Ramirez.
Balzan v Mosta – Din hija partita bejn żewġ timijiet li jinsabu xxamplati fin-nofs tal-klassifika b’14-il punt kull wieħed u għaldaqstant telfa ma tkunx daqstant detrimentali minħabba li jinsabu għaxar punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Balzan se jkunu mingħajr is-sospiż Benjamin Hili.
Marsaxlokk v Sirens – Il-partita bejn Marsaxlokk u Sirens tagħlaq il-11-il ġurnata.
Il-Pawlini jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara li rreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun.
Min-naħa tagħhom, ix- Xlukkajri jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara li ġew miżmuma minn Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 1-1 biex fallew żewġ punti mill-aktar importanti.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Adrian Ferraris Santiago għal Marsasxlokk u Sean Cipriott għal Sirens .
Iżda jirritornaw Leandro Aguirre għax-Xlukkajri u Weder Soares da Silva għall-Pawlini.