Tuesday, May 14, 2024

KAMPANJI TA’ GĦARFIEN LI QED JAGĦTU RIŻULTATI

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien isiru kampanji ta’ għarfien dwar diversi kundizzjonijiet u l-bżonn li wieħed jittestja lilu nnifsu u jżomm ruħu attiv u san kemm jista’ jkun biex nilqgħu għalihom. Fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru jispikkaw il-kampanji ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider fin-nisa u l-kanċer fit-testikoli għall-irġiel fost oħrajn.

Għalkemm jidher li sa ftit ilu l-inċidenzi tal-kanċer kienu qed jiżdiedu, huwa pożittiv ninnotaw li kampanji ta’ dan ix-xorta qed iħallu riżultat mixtieq għaliex l-għarfien qed jikber u qed iwasslu biex aktar persuni jersqu ‘l quddiem biex jagħmlu l-eżamijiet mediċi meħtieġa. 

Is-sena li għaddiet, kien hemm 100 każ ta’ kanċer tas-sider mill-iscreening li sar fost 11,666 mara. B’kollox, f’dik is-sena kienu ntbagħtu 12,856 stedina biex isir dan it-tip ta’ eżami mediku. Ta’ min ifakkar li iktar ma każi bħal dawn jinqabdu kmieni, ikbar huwa ċ-ċans li l-marda mhux biss ma tkomplix tinfirex imma wkoll titfejjaq.

Fil-fatt, ċifri għal din is-sena juru li minn total ta’ 11,417-il invit li ntbagħtu, wieġbu għas-sejħa 10,211-il mara u minn dawn instabu biss 81 każ ta’ kanċer tas-sider. 

Dan huwa riflessjoni mhux biss li qed jikber l-interess fost in-nisa li jmorru għal dawn it-testijiet imma wkoll tal-investiment qawwi li qed isir f’tagħmir modern u f’teknoloġija avvanzata li qed iwassal biex dawn il-każi jingħarfu aktar malajr. 

Saħansitra, fl-Isptar Mater Dei, hemm ukoll Dipartiment għall-mediċina nukleari, li hija teknoloġija avvanzata li tgħin ħafna lill-professjonisti jaslu jagħrfu l-gravità ta’ kull każ, għaliex kull każ huwa differenti minn ieħor. 

Għaldaqstant, bħala Maltin għandna biex inkunu kburin illi s-servizz tas-saħħa mhux biss huwa mill-aqwa imma bla ħlas għal kulħadd. Servizz li jekk tikkomparah ma’ pajjiżi oħra, issib li f’dawn il-pajjiżi l-pazjent ikollu jħallas somom kbar ta’ flus għalih. 

Għalhekk minn dawn il-kolonni mhux biss inħeġġu biex dawn il-kampanji ta’ għarfien jitkomplew b’kull mezz. Inħeġġu li titwettaq il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li titnaqqas l-età biex aktar nisa jkunu eleġibbli għal dawn it-testijiet, partikolarment ta’ ommijiet bi tfal żgħar.

Is-servizzi kollha qegħdin hemm u jeħtieġ li kulħadd jagħmel użu minnhom.

Sport