Thursday, December 26, 2024

Kampjonat Premier: Birkirkara v Hibernians fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa?

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab is-17-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier  fejn l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq iż-żewġ sfidanti għat-titlu – Hamrun Spartans u Floriana. 

U filwaqt li l-Ispartans jilagħbu kontra Sirens, il-Greens għandhom impenn aktar diffiċli meta jiffaċċjaw lil Balzan. 

Fil-veritá, l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa tlaqqa’ lil Birkirkara u Hibernians, li iżda, tilfet mill-interess tagħha minħabba li filwaqt li qed jaqsmu l-ħames pożizzjoni, jinsabu seba’ punti ‘l bogħod mit-tielet post, li jfisser kwalifikaz­zjoni għall-UEFA Confe­ren­ce League. 

L-alternattiva tal-aqwa par­tita hija dik bejn Marsa­xlokk u Sliema Wanderers li qed jisfidaw biex itemmu fit-tielet pożizzjoni. 

Imbagħad hemm tliet konfronti diretti li jirrigwardjaw in-naħa t’isfel tal- klassifika li, apparti Sirens u Gudja United li jidhru destinati li staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League, kol­lha għandhom ċans isalvaw u kollha għand­hom ċans jiġu relegati bid-differenza ta’ punti tkun erbgħa biss. 

Għaldaqstant  rebħa hija mperattiva biex jagħmlu pass, li jkun wieħed żgħir, lejn is-salvazzjoni. Telfa tkun tfisser skoss kbir lejn ir-relegazzjoni. 

L-aktar waħda li tispikka hija dik bejn Mosta u Valletta meta hemm punt biss jifridhom.  

Birkirkara v Hiber­nians – Din hija partita bejn żewġ timijiet li matul dan l-istaġun iddiżappuntaw bil-kbir minħabba li kienu meqjusa fost il-kandidati ewlenin għar-rebħ tat-titlu. 

Illum jinsabu fil-ħames post tal-klassifika u filwaqt li l-istaġun għall-Pawlisti huma kważi mitmum minħabba li huma eliminati mill-FA Trophy, il-Karkariżi jridu jikkonċentraw fuq din il-kompetizzjoni. 

Birkirkara ġejjin minn reb­ħa ta’ 1-0 fuq Valletta fl-ewwel partita tal-coach, José Borg, fil-kampjonat u għaldaqstant irid ikompli jibni fuq dan is-suċċess. 

Min-naħa tagħhom, Hibernians iridu jirritornaw għar-rebħ hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Floriana. 

L-Istripes, li għelbu lil Hibernians 1-0 fl-ewwel round, se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Simon Zibo minn sospensjoni.  

Marsaxlokk v Sliema W. – Din hija partita ferm importanti għaż-żewġ timijiet. 

Il-pressjoni tinsabu kol­lha fuq Marsaxlokk minħabba li għandhom distakk ta’ ħames punti minn Sliema Wanderers u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex jibqgħu fl-isfida għat- tielet post. 

Riżultat ta’ draw jiffavorixxi lis-Slimiżi minħabba li jibqgħu jgawdu l-istess vantaġġ filwaqt li b’rebħa jif­tħu vantaġġ ta’ tmien punti. 

U l-Wanderers jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta ġejjin minn tliet draws.

Anke x-Xlukkajri, ma tantx kisbu riżultati tajbin meta fl-aħħar ħames ħarġiet kisbu rebħa u erba’ draws. 

Għalihom jirritorna Ryan Scicluna minn sospensjoni.

Hamrun S. v Sirens – Il-leaders, Hamrun Spartans, jibdew favoriti li jo­ħorġu bit-tliet punti meta jaffrontaw lil Sirens li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

L-Ispartans ġejjin minn seba’ rebħiet konsekuttivi li jfisser li qed ikunu konsis­tenti fil-logħbiet tagħhom. 

Barra minn hekk, qed jiskorjaw ħafna goals bl-arma letali jkun l-attakkant, Luke Montebello, li huwa l-aqwa skorer bi 15-il goal  … l-aktar player li ġie vvotat il-Player tal-Logħba b’total ta’ sitta … u minn 16-il partita skorja f’10 minnhom. 

Iżda l-Ispartans se jkol­lhom jgħaddu mingħajr Uros Duranovic u Ederson Bruno Domingos għax jinsabu sospiżi.

Peró, jirritornaw Jonny Torres u Steve Borg minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round, l-Ispartans kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0.  

Floriana v Balzan – Din hija logħba li l-ebda team ma jaffordja jitlef … Floriana biex iżommu l-pass ma’ Hamrun Spartans … u Balzan biex ma jinqabdux fix-xibka tar-relegazzjoni minħabba li jinsabu żewġ punti biss fuq iż-żona l-ħamra.

Għaldaqstant iż-żewġ ti­mijiet għandhom jippreżentaw partita missielta. 

Il-Furjaniżi jibdew favoriti hekk kif ġejjin minn tliet rebħiet infila filwaqt li l-Balzanin ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar erba’ ħarġiet.

Fl-ewwel round Floriana għelbu lil Balzan 1-0. 

Mosta v Valletta – Telfa għal xi ħadd minn dawn iż-żewġ timijiet tista’ tkun detrimentali hekk kif punt wieħed biss qed jifred l-objettiv tagħhom. 

Filwaqt li Mosta jinsabu fiż-żona l-ħamra, rebħa biss tista’ tarahom jaqbżu lill- Beltin. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni bl-Ivorjan, Willie Britto Dagou, jirritorna għal Mosta minn sospensjoni.

Fl-ewwel round temmew fi draw ta’ 1-1. 

Sta Lucia v Naxxar L. – Rebħa għal Sta Lucia fuq Naxxar Lions tagħtihom nifs ġdid lejn is-salvazzjoni u fl-istess waqt tpoġġi lin-Naxxarin f’pożizzjoni pre­karja hekk kif f’dawn l-aħħar erba’ partiti ġabru biss żewġ punti. 

Fl-ewwel round, il-Lions kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0. 

Gzira U. v Gudja U. – Din hija prova diffiċli għal Gzira United meta jaffrontaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika, Gudja United, li huma destinati li jiġu relegati. 

Riżultat għajr minn rebħa tħalli lill-Gżirjani f’inkwiet kbir hekk kif jistgħu jiġu kkundizzjonati mir-riżultati ta’ dik iż-żona. 

Fl-ewwel round, il-Gżirjani reb­ħu bl-iskor kbir ta’ 6-1. 

Ekonomija

Sport