Thursday, April 25, 2024

RALLY LI MINNHA NISTGĦU NOĦORĠU ĦAFNA POŻITTIVITÀ

Aqra wkoll

Kemm tkun aktar interessanti ħajjitna li kieku napprezzaw iżjed il-pożittiv tagħha. Din hija x’aktarx wieħed mill-ingredjenti li minħabba n-nuqqas tiegħu diversi individwi jispiċċaw fis-solitudni jew agħar minn hekk fi ġlieda bla tarf ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Bħala ġurnal kien hemm ħarġiet fejn kritikajna fejn kien hemm bżonn u oħrajn fejn faħħarna lil dawk li ħafna drabi jispiċċaw f’dell ikrah minħabba l-irwoli tagħhom fil-komunità. Fost l-aktar episodji riċenti  assistejna għat-tieni rally fi ftit jiem tal-bdiewa u r-raħħala u li minnha wieħed jista’ joħroġ diversi interpretazzjonijiet pożittivi imma anke negattivi. Aħna se nagħmlu li mmorru għal ta’ l-ewwel.

Il-bdiewa tagħna normalment konna spiċċajna narawhom fuq xi filmat fuq it-televiżjoni jew fuq xi rivista jew ktieb. Permezz tar-rally tagħhom il-bdiewa u r-raħħala rnexxielhom isemmgħu leħinhom u juru liċ-ċittadini li iva pajjiżna qalb l-urbanizzazzjoni li normalment tisraq l-attenzjoni tal-midja, hemm dawn huma. Uħud minnhom żgħażagħ li lesti li jibqgħu jaħdmu f’xogħol ta’ daqstant tbatija biex ikunu jistgħu jipproduċulna prodotti friski u lokali. In-nies jieqfu u jiġbdu r-ritratti u l-filmati tagħhom u jissieħbu magħhom kienet ukoll xi ħaġa evidenti. 

Imma nemmnu li minn din ir-rally kellu joħroġ fattur ieħor li forsi ftit huma dawk li qabduh, oħrajn saħansitra injorawh għalkollox u agħar minn hekk kien hemm min kien negattiv ferm dwarhom. Qegħdin nitkellmu dwar l-irwol tal-korpi dixxiplinati f’dawn l-attivitajiet. Kemm kien hemm min apprezza li kellek Pulizija, uffiċjali tal-LESA u oħrajn minn Transport Malta li kellhom f’idejhom sfida kbira fl-immaniġġjar tat-traffiku tal-pajjiż kollu.

Għaddejjin minn triq għall-oħra dawn l-uffiċjali kellhom jagħmlu sigħat mhux biss jidderiġu l-mijiet ta’ inġenji preżenti għar-rally, imma wkoll jiggarantixxu sigurtà u jassiguraw li fl-ebda punt ma teskala s-sitwazzjoni għal waħda ta’ vjolenza. Ir-rally tal-bieraħ kienet tinvolvi għexieren ta’ uffiċjali li mingħajrhom id-dimensjoni tagħha setgħet marret f’direzzjoni għalkollox opposta u minn dimostrazzjoni paċifika li kellna nħallu f’idejn l-immaġinazzjoni tagħkom biex tesploraw x’seta’ nqala.  

Iva aħna nemmnu li dawn l-uffiċjali jixraqilhom kull tifħir. Lil hinn mis-sensazzjonaliżmu ta’ meta jinqabad episodju wieħed fil-midja fejn uffiċjal iwassal mara tqila l-isptar, aħna grati għax-xogħol siewi li dawn jagħmlu ta’ kuljum. Min jaf kemm persuni jiġu megħjuna u ħadd ma jisma’ b’aħbarhom. 

Ngħiduha kif inhi. Studju wara l-ieħor toħroġ iswed fuq l-abjad il-kumdità li llum kulħadd ikollu l-karozza tiegħu u minkejja kull inizjattiva tal-gvern bħalma hija dik ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, se tibqa’ ssib ħafna li jippreferu l-karozza tagħhom akkost ta’ kull sfida li ġġib magħha inklużi l-ispejjeż u l-konġestjoni tat-traffiku.

Allura meta nħarsu lura lejn dak li seħħ fir-rally tal-Ħamis, fejn dawn l-inġenji nstaqu f’rotta differenti li laqtet arterji magħrufa sew għall-ammont ta’ karozzi li jgħaddu ta’ kuljum,  iva nfaħħru lil dawn l-uffiċjali. Il-kordinazzjoni bejniethom kienet kruċjali għax kellek serbut ta’ inġenji li minħabba konkorrenza qawwija kien jibda minn lokalità u jispiċċa f’oħra Kilometri bogħod. 

Dawn huma l-istess nies li minħabba li xogħolhom huwa fuq il-mutur u ovjament jistgħu jaslu aktar malajr, għandhom jidħlu l-ewwel sejħiet. Dawn huma l-uffiċjali li b’esperjenza jridu jaġixxu f’xena ta’ inċident imdemmi fejn xi kultant lanqas it-tabib ma jkun wasal. Għalhekk tajjeb li qabel ninfexxu naqilgħu n-negattiv fil-konfront ta’ dawn in-nies niftakru li primarjament xogħolhom huwa li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tagħna lkoll.

Sport