Meta llum u għada jintlagħab il-programm tal-21 ġurnata, il-leaders Hamrun Spartans jistgħu jaslu sa żewġ punti ‘l bogħod mir-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja tal-club.
Dan jista’ jseħħ jekk huma jegħlbu lil Mosta filwaqt li Gzira United jiġu megħluba minn Valletta.
Dan ifisser li l-Ispartans jiftħu vantaġġ ta’ 14-il punt meta jkun fadal fadal ħames logħbiet għat-tmiem, bi 15-il punt għad-dispożizzjoni.
F’każ li l-Maroons jiġu miżmuma fi draw l-Ħamruniżi xorta jkunu jridu żewġ punti … iżda huma jkollhom jistennew jekk il-Gżirjani joħorġu rebbieħa.
B’vantaġġ ta’ 11-il punt, il-partita li jkun imiss (fit-22 ġurnata) tkun dik diretta kontra l-istess Gzira fejn teżisti possibbiltá li jistgħu jiċċelebraw. Nistennew u naraw.
Interessanti huwa l-fatt li ħames logħbiet ta’ din il-ġurnata se jintlagħbu għada l-Ħadd.
Mosta v Hamrun S. – Din hija meqjusa bħala partita diffiċli għal Hamrun Spartans meta jaffrontaw lil Mosta li jinsabu biċ-ċans li jispiċċaw mal-ewwel tlieta u għaldaqstant it-tliet punti huma mperattivi.
Wara li sfaw eliminati mill-FA Trophy meta tilfu kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 1-0, issa t-team immexxi mill-coach, Branko Nisevic, se jfalli milli jirbaħ id-double.
Din se tkun it-30 partita bejn dawn iż-żewġ timijiet fl-ogħla diviżjoni fejn il-Ħamruniżi rebħu 16 filwaqt li l-Mostin rebħu 7.
Mosta se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Tyrone Farrugia u Jacob Akrong filwaqt li Hamrun għandhom nieqes lil Steve Borg għall-istess raġuni.
Fl-ewwel round, Hamrun kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Sta Lucia v Pietá H. – Dan huwa konfront bejn l-aħħar żewġ timijiet tal-klassifika fejn jidher li ċ-ċans li jsalvaw mill-għarqa huwa wieħed remot u għaldaqstant jilagħbu għall-unur. Iżda rebħa għal-Luċjani tħallihom jittamaw.
Il-Hotspurs se jkunu mingħajr iż-żewġ players, Ganiu Atanda Ogungbe u Daniel Zerafa, minħabba li jinsabu sospiżi, b’dan tal-aħħar ikun qed jiskonta t-tielet sospensjoni.
Huma jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tal-ewwel round meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1.
Zebbug R. v Sirens – Zebbug Rangers jiffaċċjaw lil Sirens fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Dan minħabba li r-Rangers jistgħu jitligħu żewġ punti wara l-istess Sirens, fit-12-il post filwaqt li rebħa għall-Pawlini tbiegħdhom mill-periklu tar-relegazzjoni u jersqu aktar f’żona komda.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni fejn għar-Rangers jirritornaw Travis Bartolo u Shaun Bugeja filwaqt li għal Sirens jirritornaw Stephane Sessegnon u Armah Vaikainah … kollha minn sospensjoni.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 3-3.
Gudja U. v Hibernians – Ze – Din hija partita bejn żewġ timijiet li fi tmiem il-ġimgħa li għadda sfaw eliminati mill-FA Trophy.
Filwaqt li l-istaġun huwa prattikament mitluf għal Gudja, Hibernians għadhom fl-isfida għat-tielet post.
Għaldaqstant huma jimmiraw għat-tielet rebħa konsekuttiva fit-tentattiv li jibqgħu jżommu l-kuntatt maż-żona Ewropea.
Iż-żewġ timijiet ikunu msaħħa bir-ritorn minn sospensjoni ta’ Juan Bolanos Ramires għal Gudja u Gabriel Artiles għal Hibernians … li fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Birkirkara v Marsaxlokk– Għall-kuntrarju taż-żewġ timijiet preċedenti, dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li fi tmiem il-ġimgħa li għadda kkwalifikaw għas- semi-finali tal-FA Trophy u jistgħu jittellgħu kontra xulxin.
Peró fil-kampjonat huma distakkati b’19-il punt, bil-Karkariżi jinsabu fit-tielet post filwaqt li x-Xlukkajri qegħdin fl-10 pożizzjoni.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Osvaldo Iorio għal Birkirkara u Adrian Ferraris Santiago għal Marsaxlokk … iżda jirritorna player għal kull team minn sospensjoni – Enzo Cabrera għall-Karkariżi u Christopher Uzeh Edafe għax-Xlukkajri.
Fl-ewwel round Marsaxlokk kienu għelbu lil Birkrikara 1-0.
Gzira U. v Valletta – Gzira United jiltaqgħu kontra Valletta fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfahom.
Il-Lilywhites jinżlu għal dan il-konfront mingħajr l-ebda pressjoni minħabba li jinsabu fid-disa’ pożizzjoni.
Iż-żewġ timijiet għandhom żewġ players sospiżi – Steve Pisani u Luis Carlos Riascos għal Gzira u Nilton Soares Rodrigues u Eslit Sala għal Valletta.
Għal Gzira jirritornaw Zachary Scerri u José Costa Ewertton minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet tmmew fi draw 0-0.
Floriana v Balzan – Floriana jimmiraw għall-ewwel rebħa f’sitt partiti meta jiltqgħu kontra Balzan li jinsabu fil-ħames post u b’ċans tajjeb li jkomplu jisfidaw għat-tielet post … meta issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar sitt partiti.
Balzan se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Momcilo Raso filwaqt li Floriana se jkunu msaħħa bir-ritorna ta’ Matias Nicolas Garcia.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet fi draw ta’ 0-0.