Friday, October 18, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun S. v Hibernians … ħadd ma jaffordja jwaqqa’ l-punti

Aqra wkoll

Meta llum tintlagħab l-20 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, l-aktar partita li tispikka hija dik bejn Hamrun Spartans u Hibernians liema partita ħadd ma jaffordja jitlef. 

Partita oħra interessanti hija dik  bejn Valletta u Sliema Wanderers filwaqt li Floriana jiltaqgħu kontra Gudja United fejn jittamaw minn żelqa oħra Pawlista. 

Hamrun S. v Hibernians – Dan huwa l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timi­jiet. 

Dan minħabba li l-leaders Hibernians sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun li kienet kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 3-2 u għaldaqsant il-vantaġġ tagħhom naqas għal punt wieħed biss filwaqt li Hamrun Spartans, li ġejjin minn draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Sirens, jinsabu f’pożizzjoni mwiegħra li jistgħu jispiċċaw fir-Relegation Pool. 

Dan ir-riżultat ifisser li l-Ispartans ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar sitt partiti u ma jistgħux jaffordjaw aktar skossi għat-tmiem tal-ewwel fażi fejn fadal tliet partiti bl-avversarju tagħ­hom se jkunu wkoll St Lucia u Sliema Wanderers, it-tnejn fil-bżonn tal-punti kontra r-relegazzjoni. 

Hibernians se jkunu mingħajr is-servizzi tas-sospiżi Andrei Agius u Leandro Almeida. Min-naħa l-oħra, il-players kollha huma disponibbli għall-Ispartans.

Fl-ewwel round Hiber­nians kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Valletta v Sliema W.– Din hija partita bejn żewġ rivali antiki li fi tmiem il-ġimgħa li għadda l-problemi tagħhom intensifikaw b’mod konsiderevoli meta sfaw megħluba … Valletta kontra Sta Lucia (2-1) u Sliema Wanderers kontra Mosta   (1-0). 

B’hekk issa l-Beltin sofrew ir-raba’ telfa konsekut­tiva, ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar disa’ partiti, jinsabu fit-tmien pożizzjoni … biex jistgħu jitilfu post­ fiċ-Championship Pool. 

Min-naħa l-oħra, il-Wanderers jinsabu f’qiegħ il- klassifika u 10 punti bogħod mis-salvazzjoni.  

Ta’ min isemmi li fl-ew­wel round il-Wanderers kie­nu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 iżda l-punti ngħataw lil-Lilywhites li kellhom protest milqugħ fir-rigward tal-ineliġġibiltá ta’ Warsama Hassan.

Danny Holla u Jean Carlos Goncalves huma sospiżi għal Sliema iżda Inters Gui jirritorna minn sospensjoni. Peró huma tilfu s-servizzi tal-imweġġa’ Kurt Shaw għall-kumplament tal-ista­ġun. Valletta għandhom il-players kollha għad-diżpożizzjoni.

Floriana v Gudja U. – Dan huwa test delikat għal Floriana u Gudja United li t-tnejn irreġistraw rebħiet importanti. Floriana għelbu lil Gzira United bl-iskor ta’ 2-1  biex naqqsu d-distakk għal punt wieħed fil-quċċata tal-klassifika filwaqt li Gudja United għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 1-0.

Floriana ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar disa’ partiti iżda huma se jilagħbu kontra team li rebaħ ħames partiti mill-aħħar sitt ħar­ġiet tiegħu u jinsab f’pożizzjoni komda. Bħalissa Gudja jinsabu fis-seba’ post … żewġ punti inqas minn Hamrun Spartans li jinsabu fir-raba’ post u għaldaqstant huma sfidanti denji biex jikkwalifikaw fiċ-Championship Pool.

Iż-żewġ timijiet se jkunu mingħajr il-goalkeepers re­golari tagħhom għax jinsabu sospiżi – Glenn Zammit għal Gudja u Georgi Kitanov għal Floriana flim­kien ma’ Emiliano Callegari iżda Matias Garcia jirritorna minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Floriana rebħu 1-0.

Birkirkara v Sta Lucia – Birkirkara, li jinsabu fit-tielet post, jaffrontaw lil Sta Lucia li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Valletta biex żammew ħajjin it-tamiet tagħ­hom kontra r-relegazzjoni hekk kif jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

Birkirkara ġejjin minn rebħa fuq Hibernians u għaldaqstant fuq il-karta jibdew favoriti għar-rebħ tat-tliet punti. Peró l-Luċjani mhux se jċedu pulzier minħabba li jinsabu fil-bżonn tal-punti. 

L-uniku player sospiż huwa l-midfielder ta’ Birkirkara Claudio Bonanni iżda Kurt Zammit (għall-Istripes) u Jamie Zerafa (għal Sta Lucia) jirritornaw minn sospensjoni. 

Gzira U. v Mosta – Dan huwa test delikat kemm għal Gzira United kif ukoll għal Mosta. Bħalissa l-Maroons jinsabu fil-ħames post u qed jimmiraw għar-raba’ post u għal football Ewropew. 

Dan minħabba li jidher li l-ewwel tliet postijiet diġá ttieħdu minn Hibernians, Floriana u Birkirkara u għaldaqstant hemm taqtiegħa bejn erba’ timi­jiet, li jinkludu wkoll lil Hamrun Spartans, Sirens u Gudja United, għal post wieħed.

Min-naħa l-oħra, Mosta  jimmiraw għal rebħa hekk kif jinsabu ħames punti biss fuq iż-żona l-ħamra u r-riskju tar-relegazzjoni qed jiżdied. 

Gżira se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Gabriel Bohrer Mentz iżda Geoffrey Acheampong se jirritorna għal Mosta minn sospensjoni.

Fl-ewwel round spiċċaw fi draw ta’ 2-2. 

Balzan v Sirens – Balzan se jkunu mpenjati f’logħba diffiċli kontra Sirens hekk kif jinsabu jikkumbattu kon­tra r-relegazzjoni wara sensiela ta’ ħames telfiet kon­sekuttivi … u fl-aħħar seba’ ħarġiet tagħhom kisbu punt wieħed biss. 

Għaldaqstant dan huwa konfront li ma jistgħux ifal­lu minħabba li l-periklu għalihom jiżdied hekk kif jinsabu erba’ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni … u jistgħu faċilment jintlaħqu minn Sta Lucia. 

Min-naħa l-oħra Sirens se jinżlu għal din il-partita biex ipattu għall-umiljaz­zjoni tal-ewwel round bl-iskor ta’ 6-1. 

Dan minbarra li jinsabu fit-taqtiegħa għar-raba’ post li jfisser post fil-kompetiz­zjonijiet Ewropej. 

Il-Pawlini ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hamrun Spartans fejn iridu jirritornaw għar-rebħ wara żewġ draws. 

Diego Albanese jirritorna għalihom minn sospensjoni  … biż-żewġ timijiet se jkunu bl-aqwa formazzjoni. 

Sport