Tuesday, November 26, 2024

Kampjonat Premier: Konfront delikat għal-leaders Hamrun S. kontra Floriana

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab it-18-il ġurnata tal-Kampjonat Premier fejn il-leaders Hamrun Spartans jinsabu komdi b’vantaġġ ta’ 11-il punt fuq l-eqreb rivali tagħhom. 

Filwaqt li huma jilagħbu kontra Floriana, it-team li jinsab fit-tielet post, Birkirkara, għandhom partita diffiċli kontra Valletta biex te­żisti possibbiltá li l-Ispartans iżidu l-vantaġġ tagħhom fil-quċċata. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn Hibernians u Balzan fejn rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser li jilħqu lill-istess Pawlisti fir-raba’ post tal-klassifika. 

Floriana v Hamrun S. – Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Floriana li ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra r-rivali eterni, Valletta. 

Fatt interessanti huwa l-fatt li l-Furjaniżi naqsu li joħorġu rebbieħa meta fi tliet okkażjonijiet gawdew minn superjoritá numerika iżda naqsu milli joħorġu rebbieħa … kontra Valletta (0-0), Birkirkara (1-2) u Marsasxlokk (1-1).

Dan minħabba li huma neqsin minn attakkanti li jistgħu jibdlu r-riżultat favur tagħhom. U jekk għandhom attakkant denju, Kemar Reid, se jkun nieqes minħabba li huwa sospiż filwaqt li Andrei Ciolacu ssieħeb ma’ Birkirkara. 

Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, dawn ġejjin minn rebħa komda ta’ 3-0 biex irreġistraw is-sitt rebħa konsekuttiva u jimmiraw li jkomplu għaddejjin b’din is-sensiela pożittiva biex jersqu aktar lejn ir-rebħ tat-tit­lu.

Fl-ewwel round, l-Ispartans kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.  

Valletta v Birkirkara – Valletta jiltaqgħu kontra Birkirkara fejn jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara tliet draws diżappuntanti bl-aħħar wieħed ikun dak kontra Sirens (3-3) wara li kienu qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals. 

Min-naħa tal-Istripes jimmiraw għar-raba’ rebħa nfila fejn fit-tlieta preċedenti skorjaw disa’ goals u sofrew biss wieħed.

Filwaqt li Valletta għandhom lil Rowen Muscat u Jean Marie Nnomo Ngong sospiżi, Birkirkara se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Kevin Tulimieri u l-goalkeeper Gia­­como Nava.

Fl-ewwel round, Birkirkara kienu rebħu 3-0. 

Gudja U. v Sta Lucia – Gudja United jiltaqgħu konra l-ġirien Sta Lucia fejn fl-aħħar ħarġa ż-żewġ timijiet sfaw megħluba bl-iskor identiku ta’ 2-0 … kontra Zebbug Rangers u Sta Lucia rispettivament.

Il-Gudjani ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar       tliet partiti fejn kisbu punt wieħed biex issa qatgħu kull kuntatt mat-timijiet ta’ fuq u għaldaqstant iridu jissetiljaw għal post fin-nofs tal-klassifika.

Min-naħa tal-Luċjani, jin­­sabu fil-post ta’ qabel l-aħħar  u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom fit-tentattiv li jkompli jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Gudja se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas- sospiżi Andre Prates u Hubert Vella filwaqt li Nicholas Pulis se jkun nieqes għal Sta Lucia għall-istess raġuni. 

Gudja kienu għelbu lil Sta Lucia 3-1 fl-ewwel round.

Pietá H. v Gzira U. – Gzira United jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika, Pietá Hotspurs, li issa ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar għaxar partiti li fihom kisbu biss żewġ punti. 

Min-naħa l-oħra, il-Maroons ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar ħames logħ­biet, b’erba’ rebħiet u draw.

Huma se jkunu mingħajr l-akkwist il-ġdid, Jose Costa Silva Ewertton, li għadhom kif iffirmaw mingħand il-club taċ-Challenge League, Fgura United, minħabba li jinsab sospiż.

Il-Pietaniżi ma jistgħux jużaw lis-sospiż Clinton Ban­gura. 

Fl-ewwel round, il-Gżirjani kienu rebħu bl-iskor ta’ 4-0. 

Sirens v Mosta– Mosta jkunu mpenjati fi dwell ma’ Sirens fejn jimmiraw li jżommu l-kuntatt ma’ ta’ fuq. 

Iżda huma se jiffaċċjaw team li għandu l-moral għoli wara li fl-aħħar ħarġa salva r-riżultat kontra Valletta wara li kien fi żvantaġġ ta’ żewġ goals. 

Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli … li fl-ewwel round temmew fi draw ta’ 1-1. 

Hibernians v Balzan– Dan huwa konfront delikat bejn żewġ timijiet li jinsabu fil-bżonn tal-punti biex jibqgħu jisfidaw għal post fiż-żona Ewropea. 

Filwaqt li Hibernians ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Gzira United, Balzan temmew fi draw ta’ bla goals kontra Marsaxlokk.

Iż-żewġ naħat se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn il-Balzanin se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Diver Torres Quintero minn sospensjoni. 

Il-Pawlisti kienu għelbu lil Balzan 2-0 fil-konfront dirett tal-ewwel round. 

Marsaxlokk v Zebbug R. – Dan huwa konfront dirett u importanti bejn żewġ timijiet li jistgħu jsalvaw iżda fl-istess waqt jistgħu jinqabdu fit-taqbida tar-relegazzoni. 

Rebħa għal Zebbug Rabgers tarahom jitilgħu żewġ punti taħt l-istess Marsaxlokk li issa ilhom ma jirbħu għal dawn tal-aħħar disa’ logħbiet fejn kisbu biss erba’ draws.

Marsaxlokk għandhom lil Juan Cruz Aguilar u Oscar Carniello sospiżi filwaqt li r-Rangers għandhom lil Leandro Almeida nieqes għall-istess raġuni.  

PROGRAMM KOLLU

Illum

Tony Bezzina Stadium

2.00 pm: Gudja U . v Sta Lucia

4.15 pm: Pietá H. v Gzira U.

National Stadium

2.00 pm: Floriana v Hamrun S.

4.15 pm: Sirens v Mosta

Għada

Tony Bezzina Stadium

2.00 pm: Hibernians v Balzan

4.15 pm: Marsaxlokk v Zebbug R.

National Stadium

3.00 pm: Valletta v Birkirkara

Sport