Monday, May 20, 2024

Kampjonat Premier: Logħbiet kruċjali għat-timijiet ta’ fuq u t’isfel

Aqra wkoll

Illum jirritorna l-Kampjonat BOV Premier meta tintlagħab it-22 ġurnata li hija ferm kruċjali kemm għan-naħa ta’ fuq kif ukoll għan-naħa t’isfel tal-klassifika.

Bla dubju, l-aktar żewġ partiti li se jiġbdu l-attenzjoni huma dawk bejn Valletta u Floriana … u Hamrun Spartans u Birkirkara.

Iż-żewġ sfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu, Floriana u Hamrun Spartans, ma jistgħux iwaqqgħu l-punti filwaqt li xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Valletta li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Balzan jiltaqgħu kontra Sirens filwaqt li Sta Lucia jkunu nvoluti f’konfront dirett kontra Mosta.

Jekk Balzan u Sta Lucia joħorġu rebbieħa, Sirens ji­ġu relegati awtomatikament filwaqt li Valletta jidħlu f’pe­riklu kbir li jitilfu l-profil tagħhom mal-kbar.

Gudja United, li diġá hu­ma relegati, jiffaċċjaw lil Nax­xar Lions li b’rebħa jserrħu rashom mis-salvazzjoni.

Marsaxlokk u Hiber­nians, li qed jissieltu biex jis­piċċaw fir-raba’ post, ji­lagħbu kontra Gzira Uni­ted u Sliema Wanderers rispettivament.

Ta’ min jirrimarka li Mar­saxlokk iridu jtemmu f’din il-pożizzjoni li tista’ tfisser post fil-kompetizzjoni Ewropea tal-UEFA Conference League.

Peró huma ma jkunux eliġibbli li jitħallew jilagħbu minħabba li qed jiskontaw sena sospensjoni li tibda tgħodd minn meta jik­­kwalifikaw … u fl-istess waqt ikunu jistgħu jħarsu ‘l quddiem fl-istaġun li ġej.

Valletta v Floriana – Bla dubju, din il-partita għandha tiġbed l-akbar attendenza ta’ dan l-istaġun għal diversi raġunijiet.

Minħabba li huma rivali eterni, rebħa għal Floriana tkun tfisser li jsaħħu l-ew­wel post u jkomplu jikkundannaw lill-Beltin lejn l- għarqa.

Iżda rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser ossiġenu ġdid fit-tentattiv li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni filwaqt li jagħtu skoss qawwi lill-Furjaniżi fl-isfida tagħhom għar-rebħ tat-titlu.

Floriana jimmiraw li jik­sbu l-ħames rebħa konsekut­tiva filwaqt li Valletta issa ilhom seba’ partiti mingħajr rebħa li fihom kisbu biss  tliet draws. 

L-uniku player sospiż huwa d-difensur ta’ Floriana, Maksim Valadzko. 

Fl-ewwel round, il-Greens kienu ħarġu rebbie­ħa bl-iskor ta’ 1-0.

Hamrun S. v Birkirkara – Din il-logħba se ġġib magħ­ha emozzjonijiet partikolari wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda Birkirkara eliminaw lil Hamrun Spartans mill-FA Trophy (wara l-għoti tal- penalties) biex temmew­lhom kull tama li jirbħu dan l-unur wara 32 sena u possibbilment id-double.

Għaldaqstant, il-Ħamru­niżi jridu jinsew dan id- diżappunt minħabba li ma jaffordjawx żelqa oħra u fl-istess waqt ma jħallux lill-Kar­kariżi jagħtuhom daqqa mor­tali oħra.

Barra minn hekk, l-istess Karkariżi jkunu qed jimmiraw li jagħmlu d-double fuq l-Ispartans meta fl-ew­wel round rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0.

Inċidentalment, iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa, Hamrun kontra Marsaxlokk (2-1) u Birkirkara kontra Naxxar Lions (2-0).

Hamrun se jkunu mingħajr is-sospiż Uros Dura­novic, l-imweġġa’ Henry Bo­nello filwaqt li Steve Borg hu­wa dubjuż.

Min-naħa ta’ Birkirkara, dawn ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiżi Enrico Pepe u Neil Micallef.  

Sliema W v Hibernians – Din hija partita bejn żewġ ġganti tal-football Malti, li iżda, matul dawn l-aħħar snin tilfet mill-interess tagħ­ha minħabba li m’għadhomx jiddominaw ix-xena lokali.

Sliema Wanderers kważi huma ċerti mit-tielet post tal-klassifika u għaldaqstant il-pressjoni tinsab kollha fuq Hibernians li qed jissieltu ma’ Birkirkara u Mar­saxlokk għar-raba’ pożizzjoni.   

Il-Wanderers, li fl-ewwel round kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0, għandhom lil Joseph Minala u Geoffrey Acheampong, sospiżi. 

Sirens v Balzan – Balzan jibdew favorti li jiksbu t-  tliet punti meta jaffrontaw lil Sirens.

Dawn tal-aħħar jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar u meta fadal ħames partiti għat-tmiem, jistgħu jsiru t-tieni team li jitlef postu fl-ogħla diviżjoni wara Gudja United.

Sirens għandhom lil Gilberto Martins Leite Carrara u Degran Jackson sospiżi filwaqt li Balzan se jkunu mingħajr Ivan Bozovic.

Fl-ewwel round, Balzan kienu rebħu 3-0.

Mosta v Sta Lucia – Dan huwa konfront mill-aktar importanti hekk kif rebħa għal Sta Lucia tkun tfisser pass kbir lejn is-salvazzjoni iżda jekk Mosta jirbħu jix­ħtu lill-istess Luċjani fiż-żona tar-relegazzjoni minflokhom.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Gian­luca Sciberras għal Mosta u Aleksa Mrdja għal Sta Lucia.

Fl-ewwel round Sta Lucia rebħu bl-iskor ta’ 1-0.

Gudja U. v Naxxar L. – Naxxar Lions jilagħbu kontra Gudja United u jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra team li għadu mingħajr rebħa u ġej minn 11-il telfa konsekuttiva.

Fl-ewwel round, il-Lions rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

Marsaxlokk v Gzira U. – F’din il-partita, Gzira Uni­ted ifittxu li jieħdu xi ħaġa minn din il-partita biex jersqu aktar lejn iż-żona komda u jaċ­ċertaw posthom fil- Premier … kontra team li jrid jikseb ir-raba’ post. 

Fl-ewwel round ix-Xlukkajri kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2.

Sport