Sunday, December 22, 2024

Kampjonat Premier: Partita delikata għal Hamrun S. kontra Mosta

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier bi programm mill-aktar interessanti, bl-attenzjoni prinċipali tkun fuq il-leaders Hamrun Spartans li għandhom partita delikata kontra Mosta. 

Żewġ partiti oħra li għandhom jiġbdu l-attenzjoni huma dawk – Birkirkara v Marsaxlokk u Gzira Uni­ted v Valletta. 

Hibernians, it-team l-aktar li ddiżappunta s’issa, jaffronta lil Gudja United filwaqt li Floriana jiffaċċjaw lil Sirens. 

Min-naħa tagħhom, Bal­zan u Sliema Wanederers jilagħbu kontra żewġ timijiet li jinsabu fiż-żona tar-re­legazzjoni, Naxxar Lions u Sta Lucia rispettivament. 

Hamrun S. v Mosta – Il-leaders assoluti, Hamrun Spartans, jilagħbu kontra Mosta li ġejjin minn żewġ rebħiet, kontra Birkirkara (2-0) u Marsaxlokk (3-2) u għaldaqstant issa jippruvaw iwaqqfu l-mixja pożittiva tal-Ispartans.

F’dan l-istaġun, il-Ħamruniżi waqqgħu biss il-punti fid-draw ta’ 1-1 kontra Sliema Wanderers u jidhru li se jirrepetu s-suċċess tas-sena li għaddiet minħabba li huma l-aktar konsistenti u kompatti … saħansitra anke meta ma jkunux għall-altezza tagħhom xorta waħda jirnexxielhom jiksbu dak li jkunu jridu. 

Huma jittamaw li l-attakkant Luke Montebello jkompli bil-forma tiegħu fejn jinsab fil-quċċata tal- lista tal-iskorers b’total ta’ sitt goals fejn irnexxielu jsib ix-xibka avversarja f’erba’ partiti. 

Filwaqt li t-team immexxi mill-coach, xxx, ma għandux problemi ta’ players neqsin, Mosta se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Damian Aneni Evans. 

Birkirkara v Marsaxlokk– Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fit-tielet post tal-klassifika flimkien ma’ Sliema Wanderers. 

Filwaqt li fl-aħħar ħarġa tagħhom Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara t- telfa ta’ 2-0 kontra Mosta, Marsaxlokk ġejjin minn żewġ telfiet kontra Valletta (1-0) u kontra Mosta (3-2) u għaldaqstant huwa mperat­tiv li f’din il-partita ma joħorġux b’idejhom vojta minħabba li jibdew jaqtgħu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuqhom hekk kif jinsabu f’pożizzjoni tajba li jisfidaw għall-ewwel erba’ postijiet. 

L-Istripes jinżlu b’moral għoli wara r-rebħa impres­sjonanti ta’ 3-0 fuq Balzan li ma kellhomx risposta għal-logħob tagħhom. 

Huma mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli filwaqt li Marsaxlokk se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Jacob Walker minn sospensjoni. 

Gzira U. v Valletta – Din il-logħba bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-nofs tal-klassifika, għandha tkun waħda bilanċjata u miftuħa għal kull riżultat … u żball jista’ jkun determinanti fejn imor­ru l-punti. 

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa – Gzira United kon­tra Sliema Wanderers (0-1) filwaqt li Valletta sfaw megħluba minn Hamrun Spartans (2-1) fejn anke fal­lew penalty. 

Għaldaqstant rebħa għal Valletta ttellagħhom aktar ‘il fuq fil-klassifika iżda rebħa għall-Maroons tarahom jaqbżu lill-istess Lilywhites.

Thiago Espindola jirritorna għal Gzira minn sospen­sjoni. 

Hibernians v Gudja U.  – Xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lil Hibernians kontra Gudja United hekk kif jinsabu punt wieħed biss fuq iż-żona l-ħamra. 

Il-pressjoni tinsab kollha fuqhom u bl-ebda mod ma jistgħu jfallu … minħabba li ilhom erba’ partiti ma jirbħu.

Min-naħa tagħhom, l- aħ­ħar rebħa li l-Gudjani rre­ġistraw fl-ogħla diviżjoni kie­net 14-il partita ilu, jew aħjar, mill-4 ta’ Frar li għadda, meta kienu għelbu lil Sta Lucia bl-iskor ta’ 3-0.

Il-Pawlisti ma jistgħux jinkludu lit-tliet players, Ferdinando Apap, Bjorn Kris­tensen u Zachary Grech għax jinsabu sospiżi filwaqt li Marvin Angulo Perea jirritorna għall-Gudjani. 

Floriana v Sirens – Wara bidu mill-aktar pożittiv fejn kienu qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Hamrun Spartans għal ħames ġimgħat, Floriana ħadu falza stikka fl-aħħar żewġ ħarġiet, fid-draws identiċi ta’ 1-1 kontra Nax­xar Lions u Gudja Uni­ted, biex fallew erba’ punti mill-aktar importanti meta fuq il-karta kienu favoriti. 

Il-Greens jaffrontaw lil Sirens li, bħalissa huma team ferut, u li jinsabu ferm ‘il bogħod mill-forma ta’ dawn l-aħħar tliet snin li għamlithom team stabbilit fl-ogħla diviżjoni. 

Huma qed ifittxu l-ewwel rebħa meta għandhom biss żewġ punti u f’periklu serju tar-relegazzjoni. 

Floriana għandhom lil Matias Nicolas Garcia sospiż.

Sta Lucia v Sliema W. – Sliema Wanderers jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Sta Lucia li wkoll qed ifittxu l-ewwel rebħa. 

Il-Wanderers jimmiraw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela pożittiva li minkejja li mhux qed jiskorjaw ħafna, qed jilħqu l-objettiv tagħ­hom bil-konsegwenza li jaqsmu t-tielet post. 

Huma se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Geoffrey Acheampong minn sospen­sjoni. 

Balzan v Naxxar L.  – Balzan joħorġu bħal iljuni kontra Naxxar Lions wara li fl-aħħar ħarġa sfaw megħluba bl-iskor “kbir” ta’ 3-0 kontra Birkirkara u għaldaqstant jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ biex jibqgħu sfidanti denji għal post mal-ewwel erbgħa. 

Iżda wara li żammew fi draw lil Floriana (1-1) u lil Hibernians (0-0), in-Nax­xarin bħal donnhon jafu l-formula biex jiffrustraw lit-timijiet il-kbar.  

Ekonomija

Sport