Sunday, December 22, 2024

Kampjonat Premier: Partita delikata għal Hamrun S. kontra Sliema W.

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada jirritorna l-BOV Kampjonat Premier wara l-waqfa ta’ ġimagħtejn minħabba l-impenji tat-team nazzjonali fir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024.

Bla dubju, l-aktar żewġ partiti li jispikkaw huma Hamrun Spartans v Sliema Wanderers u Hibernians v Balzan. Minn dak li rajna s’issa, dawn iż-żewġ partiti huma miftuħa għal kull riżultat. 

Floriana, li qed jaqsmu l-ewwel post mal-Ispartans, jibdew favoriti kontra Nax­xar Lions filwaqt li Birkirkara jaffrontaw lill-ġirien Mosta. 

Żewġ partiti bilanċjati huma dawk bejn Marsa­xlokk u Valletta, u Gzira United kontra Sirens filwaqt li Sta Lucia u Gudja United jiltaqgħu f’logħba diretta li tirrigwardja n-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Hamrun S. v Sliema W. – F’konfront mill-aktar delikat, iċ-champions renjanti Hamrun Spartans jaffrontaw lit-team promoss ta’ Sliema Wanderers li jimmeritah aħjar mis-sitt post attwali tal-klassifika.

Dan minħabba li s’issa huma wrew il-potenzjal tagħhom li kapaċi wkoll jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa.

Filwaqt li jittamaw li l-aqwa skorer s’issa, Luke Montebello, jkun fil-forma, il-Ħamruniżi jimmiraw għall-ħames reb­ħa konsekuttiva u li jżommu x-xibka tagħhom bla mittiefsa li, flimkien ma’ Floriana, għadhom ma sofrew l-ebda goals. 

Filwaqt li huma ġejjin minn rebħa komda ta’ 4-0 fuq Sirens, is-Slimiżi jinżlu biex ipattu għat-telfa ta 1-0 kontra Marsaxlokk.

Huma se jkunu mingħajr is-sospiż, Neil Frendo.   

Hibernians v Balzan – Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa, Hibernians kontra Birkirkara (1-0) u Balzan kontra Floriana (3-0) u għaldaqstant ma jaffordjawx joħorġu b’idejhom vojta jekk iridu jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq kif ukoll jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa li jfisser kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference Lea­gue. 

Għall-Pawlisti mistenni jirritorna Alex De Souza Silva filwaqt li Balzan se jkol­lhom jgħaddu mingħajr iż-żewġ players sospiżi, Andre Prates u Paul Fenech. 

Floriana v Naxxar L. – Floriana jimmiraw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela ta’ rebħiet infila meta jiffaċ­ċjaw lil Naxxar Lions li ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Sta Lucia u għaldaqstant jin­żlu b’moral għoli wara bidu ta’ żewġ telfiet u draw. 

Dan huwa test diffiċli għalihom hekk kif iridu jakkwistaw il-punti neċessarji biex iżommu posthom mal-kbar. 

Min-naħa ta’ Floriana, taħt it-tmexxija tal-coach, Mau­ro Camoranesi, bħal donnhom qabdu l-konsisten­za iżda jridu juru rispett massimu lejn in-Naxxarin li jinżlu biex jirreġistraw sorpriża. 

L-aħħar darba li l-Lions għelbu lil Greens kien nhar il-15 ta’ Novembru, 1999, bl-iskor ta’ 3-0. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli.

Birkirkara v Mosta – Bir­kirkara jiffaċċjaw lil Mosta li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Valletta. 

Fil-veritá kien mistenni aktar mill-Mostin u s’issa ddiżappuntaw bil-kbir meta fl-istaġun preċedenti kienu sfida denja, tant, li saħansit­ra resqu viċin li jidħlu fil-play-off għall-kwalifikaz­zjoni għall-UEFA Conference League. 

Iżda ġew eliminati minnha minħabba l-inferjori­tá tal-konfronti diretti ma’ Balzan u Hibernians. 

Sa ċertu punt, anke Birkirkara ddiżappuntaw meta, wara li ntlagħbet ir-raba’ ġurnata, huma jinsabu ħames punti taħt il-leaders.  

Għaldaqstant ma jistgħu jwaqqgħu aktar punti. 

Id-difensur Manuel Pena Beltre mistenni jirritorna wara li tilef il-logħba kontra Hibernians.   

Marsaxlokk v Valletta – It-team rivelazzjoni s’issa, Marsaxlokk, jaffronta lil Valletta li se jkunu mmex­xija mill-coach il-ġdid, Enzo Potenza, wara li waqqfu l-kuntratt ta’ Thane Mical­lef. 

Jekk Potenza huwa ġdid għall-Beltin, bla dubju, ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-logħba domestika meta mexxa lil Senglea Athletic, Floriana u Sta Lucia fl-ogħla diviżjoni … kif ukoll lil Marsa fiċ-Challenge League. 

Ironikament huwa mexxa lir-rivali eterni, Floriana, għar-rebħ tat-titlu. 

Potenza jrid jagħraf kif jirriorganizza u jimmotiva lill-players tiegħu wara li fit-tliet partiti preċedenti huma kisbu biss żewġ punti. 

Min-naħa ta’ Marsaxlokk, dawn fallew biss żewġ punti minn erba’ partiti biex jinsabu pass wara l-leaders fil-quċċata. 

Iżda huma se jkunu mingħajr is-sospiż, Anthony Abah Obonogwu.  

Gzira U. v Sirens– Din hija partita min-naħa t’isfel tal-klassifika fejn huwa mperattiv li ż-żewġ timijiet jiksbu t-tliet punti. 

Rebħa għall-Maroons tħalli lil Sirens fiż-żona l- ħamra filwaqt rebħa għall-Pawlini ttellagħhom b’punti daqs Gzira. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Gabriel Bohrer Mentz għal Gzira u Daniel Opoku għal Sirens.  

Sta Lucia v Gudja U. – Din hija logħba bejn żewġ timijiet li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa u li jidher li se jkollhom staġun mill-aktar diffiċili biex iżommu l-profil tagħhom fil-Kampjonat Premier. 

Kemm Sta Lucia kif ukoll Gudja United iridu jirkupraw mit-telfiet kbar li sofrew kontra Naxxar Lions (4-0) u Gzira United (6-1) rispettivament. 

Telfa tkun tfisser li jkomplu jgħoddsu lejn il-qiegħ tal-klassifika. 

 

Ekonomija

Sport