Sunday, November 24, 2024

Kampjonat Premier: Partiti li jistgħu jiddeterminaw il-futur tat-timijiet

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab il-21 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier li tfisser dik ta’ qabel l-aħħar tal-Ewwel Fażi li fiha l-partiti jistgħu jibdew jiddeterminaw liema timijiet se jilagħbu fiċ-Championship Pool u dawk fir-Relegation Pool.  

Din id-darba l-attenzjoni se tkun fuq kull logħba minħabba li kollha huma kruċjali … peró dik prinċipali se tkun fuq il-leaders il-ġodda Floriana u Hibernians li niżlu fit-tieni po­żizzjoni. 

Floriana v Sirens – Floriana jiffaċċjaw lil Sirens ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Balzan u xejn għajr minn rebħa ma tissosdisfa l-kri­teriji tagħhom biex jibqgħu fit-taqtiegħa għall-kwalifikazzjoni għaċ-Championship Pool … aktar u aktar meta huma konxji mill-fatt li l-avversarji li jmiss huma Gzira United. 

Fir-realtà hemm sitt timi­jiet li qed jisfidaw għal tliet postijiet u dawn iż-żewġ fixtures li ġejjin huma tassew kruċjali biex jiddeterminaw id-destin tagħhom. 

Min-naħa l-oħra, Floriana qabdu ritmu mgħaġġel u l-wirjiet impressjonanti tagħhom qed jibagħtu messaġġ li issa ladarba jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika, mhux se jċedu posthom malajr. 

Inċidentalment, l-aħħar tel­fa ta’ Floriana kienet kontra Sirens (2-1) u għal­daqstant ifittxu tpattija sportiva biex isaħħu wkoll l-ewwel post. 

Iżda se jkunu mingħajr is-sospiżi Ryan Camenzuli u Oualid El Hasni filwaqt li l-goalkeeper Georgi Kitanov se jirritorna minn sos­pensjoni.

Hibernians v Balzan – Hibernians jiltaqgħu kontra Balzan fejn ikunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara d-draw ta’ bla goals kontra Hamrun Spartans bil-konsegwenza li ċedew l-ewwel post hekk kif inqabżu minn Floriana.

Jidher ukoll li l-Pawlisti qed inaqqsu mir-rendiment tagħhom hekk kif fl-aħħar partita huma ma rnexxielhomx joħorġu rebbieħa kon­tra team li għal siegħa sħi­ħa lagħab bi player inqas.  

Għaldaqstant dan huwa konfront li fih ma jistgħux iwaqqgħu punti. 

Min-naħa l-oħra, Balzan għandhom ikomplu jibnu fuq rebħa ta’ 2-1 kontra Sirens. Din ir-rebħa tathom spinta morali hekk kif se jiffaċċjaw wieħed mill-aqwa timijiet fi gżiritna. 

Rebħa tista’ ssaħħaħ it- tamiet tagħhom biex jis­piċċaw mal-ewwel sitta iżda telfa tarahom jissieltu għas- salvazzjoni. 

Leandro Almeida se jirritorna minn sospensjoni għal Hibernians li rebħu l-konfront dirett tal-ewwel round 2-1.

Sta Lucia v Hamrun S. – Sta Lucia jiltaqgħu kontra Hamrun Spartans li għandhom bżonn il-punti biex jikkwalifikaw mal-ewwel sitta hekk kif f’dan l-istaġun iddiżappuntaw bil-kbir. 

Rebħa għall-Ispartans hi­­ja  ferm importanti biex ittaffi l-pressjoni kollha minn fuqhom. Iżda telfa tpoġġihom f’qagħda kritika u inċerta jekk jagħmluhiex mal-ewwel sitta. 

Sta Lucia kisbu rebħa impressjonanti ta’ 3-2 kontra Birkirkara biex ħadu nifs qawwi fil-ġlieda tagħhom għas-salvazzjoni. 

Rebħa tarahom inaqqsu d-distakk ma’ Mosta, Valletta u Balzan, jiddependi mir-riżultati tagħhom. 

L-Ispartans se jkunu mingħajr is-sospiżi Claude Dielna u Isaac Ntow filwaqt li l-Luċjani se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Fl-ewwel round Hamrun rebħu 3-0. 

Sliema W. v Birkirkara – Sliema Wanderers jaffrontaw lil Birkirkara li t-tnejn ġejjin minn telfa … il-Wanderers kontra Valletta (1-0) u l-Istripes kontra Sta Lucia (3-2).  

Jidher li s-Slimiżi se jitilfu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni hekk kif jinsabu 14-il punt ‘il bogħod mis- salvazzjoni … u b’21 punt għad-dispożizzjoni … tidher li se tkun ‘missjoni impossibbli’. Peró jridu jibqgħu jissieltu sal-aħħar. 

Min-naħa l-oħra, xejn għajr minn rebħa ma tissodisa l-kriterji ta’ Birkirkara biex jibqgħu fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu minkejja li jinsabu distakkati bi tmien punti mil-leaders. 

Huma se jkunu min­għajr il-captain, Cain Attard, għax jinsab sospiż filwaqt li Danny Holla jirritorna għall- Wanderers minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Birkirkara għelbu lil Sliema 2-0.

Gudja U. v Gzira U. – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti. 

Iż-żewġ timijiet għandhom bżonn rebħa minħabba li jinsabu biċ-ċans li jikkwalifikaw mal-ewwel sitta u saħansitra jiġġieldu biex itemmu fl-ewwel erba’ postijiet. 

Kemm Gudja United kif ukoll Gzira United iridu jinsew id-diżappunt ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda meta sfaw megħluba minn Floriana (1-0) u minn Mosta (4-3) rispettivament.

Iżda l-ebda team minn­hom ma jaffordja jfalli l-punti. 

Rebħa għal Gżira pro­babbilment tissiġillalhom post fl-ewwel sitta filwaqt li rebħa għal Gudja tarahom  jitilgħu b’punt ndaqs mal-istess Maroons.

L-uniku player nieqes hu­wa s-sospiż Maxuell Maia ta’ Gzira iżda Gab­riel Mentz jirritorna minn sospensjoni filwaqt li l- goalkeeper Glenn Zammit jirritorna għal Gudja.  

Fl-ewwel round il-Maroons ħarġu rebbieħa 3-2.

Mosta v Valletta – Din il-partita tista’ titqies bħala “finali” hekk kif min jirbaħ jagħmel pass kbir lejn il-kwalifikazzjoni għaċ- Championship Pool filwaqt li min jitlef jista’ jinqabad fil-ġlieda kontra r-relegaz­zjoni u eventwalment jista’ jintlaħaq minn Sta Lucia meta jkun għad fadal sitt partiti għat-tmiem. 

Peró, iż-żewġ timijiet jinżlu b’moral għoli hekk kif  ġejjin minn rebħa meta l-Beltin għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 filwaqt li l-Mostin dawru telfa f’reb­ħa biex għelbu lil Gzira United 4-3. 

Mosta għandhom liż-żewġ pendini tant importanti, Clayton Failla u Ro­derick Briffa, neqsin għax jinsabu sospiżi filwaqt li l-players kollha se jkun ugħad-dispożizzjoni ta’ Val­letta li fl-ewwel round kienu għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1.  

Sport