Sunday, December 22, 2024

Kampjonat Premier: Valletta jimmiraw li jevitaw il-ħames telfa konsekuttiva

Aqra wkoll

Il-programm tat-tmien ġur­nata tal-Kampjonat Premier huwa wieħed mill-aktar interessanti hekk kif l-attenzjoni taqa’ fuq it-team ta’ Valletta li bħalissa għaddej minn mument negattiv wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda sofra r-raba’ telfa konsekuttiva. 

Proprju llum, huma għandhom partita mill-aktar diffiċli meta jiffaċċjaw lil Gzira United li qed jaqsmu t-tieni post ma’ Birkirkara u jinsabu żewġ punti biss taħt il-leaders Hamrun Spartans.

Min-naħa tagħhom, l-Ispartans se jilagħbu kontra Mosta filwaqt li Birkirkara jiltaqgħu kontra Marsa­xlokk.

Valletta v Gzira U. – Din hija l-aqwa logħba ta’ dan il-programm fejn Valletta jimmiraw li jevitaw li jik­sru rekord negattiv.

Dan minħabba li fl-istorja tagħhom fil-kampjonat qatt ma’ tilfu ħames logħ­biet konsekuttivi.

Għaldaqstant iridu jku­nu fl-aqwa forma tagħhom biex ma joħorġux b’idej­hom vojta kontra Gzira Uni­ted. Filwaqt li l-Lilywhites ġejjin minn erba’ telfiet infila meta l-aħħar waħda kienet ta’ 3-1 kontra Mosta, il-Maroons ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi, bl-aħħar suċċess ikun kontra Floriana bl-iskor ta’ 1-0.

Dan ifisser ukoll li l-pressjoni qed tikber fuq il-coach ta’ Valletta, Thane Micallef, u għalhekk irid jagħraf kif idawwar il-fortuni tat-team tiegħu.

Barra minn hekk, huma jridu jagħrfu kif se jwaqqfu liż-żewġ players Brażiljani, Jefferson De Assis u Ma­xuell Maia Da Silva, li bejniethom skorjaw 12-il goal. L-uniku darba li wieħed jew l-ieħor naqsu li jsibu x-xibka avversarja kien fid-draw ta’ 0-0 kontra Marsaxlokk.

Filwaqt li huma għandhom lil Nikolai Muscat u lil Clive Gauci sospiżi, Valletta se jkollhom jgħaddu mingħajr Eslit Sala għall-istess raġuni.  

Hamrun S. v Mosta – Hamrun Spartans jaffrontaw lil Mosta f’dik li hija meqjusa bħala partita delikat.

Il-leaders tal-klassifika jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta fl-aħħar ħarġa tagħhom huma waq­qgħu l-ewwel punti fid-draw ta’ 0-0 kontra Birkirkara.

Fil-veritá, fl-imsemmija partita huma setgħu ħarġu rebbieħa meta ħolqu bosta ċansijiet, li iżda, ma rnex­xielhomx jikkonkludu.

Huma se jsibu quddiemhom team li jinsab b’moral għoli hekk ġejjin minn reb­ħa ta’ 3-1 fuq Valletta.

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.

Hibernians v Gudja U. – Hibernians jiffaċċjaw lil Gudja United li ġejjin minn telfa mhux mistennija ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk biex fallew tliet punti importanti fit-tenattiv li jisfidaw għal post fil-UEFA Conference League.

Min-naħa tagħhom, Hibernians bħal donnhom ġejjin f’tagħhom hekk kif fl-aħħar tliet ħarġiet kisbu punti massimi għalkemm fl-aħħar waħda kellhom jit­ħabtu kontra Sta Lucia (3-2). 

Rebħa għal Pawlisti tkun tfisser li jaqbżu lill-istess Gudjani fir-raba’ post tal- klassifika.

Min-naħa l-oħra ma jaffordjawx li joħorġu telliefa minħabba li jibdew jaqtgħu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuqhom.

Kull team għandu player sospiż – Ali Diakite għal Hibernians u Emanuel Bartolo għal Gudja United.

Pietá H. v Sta Lucia – Dan huwa konfront dirett bejn l-aħħar żewġ timijiet tal-klassifika.

Fl-aħħar logħba tagħ­hom, Pietá Hotspurs kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun u l-ewwel waħda f’10 logħbiet fl-ogħla diviżjoni meta l-aħħar waħda reġistrata kienet dik tas-7 ta’ April, 2019, kontra St Andrew’s bl-iskor ta’ 3-0.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma għelbu lil Zebbug Rangers bl-iskor ta’ 1-0.

Min-naħa l-oħra, il-Luċjani flimkien ma’ Sirens, huma l-uniċi żewġ timijiet li għadhom mingħajr reb­ħa.  Telfa oħra għalihom tkun tfisser pass ieħor lejn ir-relegazzjoni.

Il-Hotspurs għandhom lil Takuma Yamaguchi sospiż filwaqt li l-Luċjani se jkunu bl-aqwa formazzjoni.

Floriana v Balzan – Għal Floriana xejn inqas minn rebħa ma tissodisfa l-krite­rji tagħhom meta jiltaqgħu kontra Balzan.

Dan minħabba li fl-aħħar tliet ħarġiet huma kisbu biss punt fejn qed jokkupaw it-tmien post tal-klassifika … ħames punti ‘l bogħod miż-żona tar-relegazzjoni.

Min-naħa l-oħra, anke Balzan jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta fl-aħħar logħba huma ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Sirens.

Floriana jilqgħu lura lil Christian Rutjens minn sospensjoni u għaldaqstant iż-żewġ timijiet jinżlu bl- aqwa elementi.

Marsaxlokk v Birkirkara – Wara li għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-1, issa Marsaxlokk jimmiraw li jirrepetu l-istess suċċess kontra Birkirkara.

Iżda dawn tal-aħħar żgur li mhux se jċedu pulzier minħabba li fl-aħħar żewġ partiti naqsu li jirbħu meta ġew miżmuma minn Hamrun Spartans    (0-0) u Gudja United (1-1).

Barra minn l-Istripes iridu jżommu l-pass mal- leaders Hamrun Spartans, minbarra li jistgħu jinqabżu minn Gzira United.

Iż-żewġ coaches rispettivi m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.

Ekonomija

Sport