Sunday, December 29, 2024

Kampjonat Premier: Valletta v Hibernians l-aktar li tiġbed l-attenzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta tintlagħab l-10 ġur­nata tal-BOV Kampjonat Premier, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq il-konfront bejn Valletta u Hibernians.  

Il-leaders Floriana jaffrontaw lil Mosta f’dik li hija meqjusa bħala logħba de­likata.  

Wara t-telfa kontra Birkirkara, Hamrun Spartans ma jistgħux ifallu kontra Gzira United li għandhom bżonn il-punti biex jitbiegħdu miż-żona l-ħamra. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn Sliema Wanderers u Balzan filwaqt li Marsaxlokk jibdew favoriti li jegħlbu lil Sta Lucia. 

Jintlagħbu wkoll iż-żewġ logħbiet li fihom Sirens u Gudja United ikunu qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Huma se jilagħbu kontra Naxxar Lions u Birkirkara rispettivament. 

Valletta v Hibernians – Din il-partita għandha l-importanza tagħha għax minkejja r-rivalitá li teżisti bejn iż-żewġ timijiet, xejn għajr minn telfa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom min­ħabba l-biżgħa li jistgħu jinqabdu fil-ġlieda għas-salvazzjoni.

Bħalissa Hibernians jin­sabu b’vantaġġ ta’ tliet punti Valletta li jinsabu fuq ix-xifer taż-żona l-ħamra. 

Rebħa għal Hibernians tkun detrimentali għall-Beltin filwaqt li rebħa għal dawn tal-aħħar tarahom jil­ħqu lill-istess Pawlisti. 

Iż-żewġ timijiet jimmi­raw li jirritornaw għar-rebħ  meta ġejjin minn telfa bl-iskor identiku ta’ 1-0 … Valletta kontra Floriana u Hi­ber­nians kontra Sliema W.

Il-Beltin għandhom lil Neil Micallef sospiż.

Mosta v Floriana – Wara żewġ telfiet konsekuttivi, Mosta se jiltaqgħu kontra t-team li huwa l-aktar konsisenti, Floriana. 

Iżda kull logħba fiha l-istorja tagħha u għaldaqstant il-Mostin jippruvaw jagħtu l-ewwel telfa lill-Greens u fuq kollox jiksbu t-tliet punti li bħalissa jiswew mitqlu deheb minħabba l-periklu tar-relegazzjoni li bħalissa jinsabu fih. 

Min-naħa tagħhom, min­ħabba l-fatt li se jilagħbu qabel Hamrun Spartans, jimmiraw li jiftħu sitt punti vantaġġ fil-quċċata biex ikomplu jixħtu l-pressjoni fuqhom. 

Filwaqt li Floriana se jissaħħew bir-ritorn ta’ Oualid El Hasni minn sospensjoni, Mosta għandhom lil Sasha Cachia sospiż. 

Sliema W v Balzan – Dan huwa konfront li jista’ jissejjaħ six-pointer għall-fatt li bħal­issa Sliema Wanderers jinsabu fir-raba’ post b’16-il punt filwaqt li Balzan jinsabu fit-tmien post …     tliet punti inqas mill-is­tess Wanderers u tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Għaldaqstant rebħa hija mperattiva għall-Balzanin. Iżda min-naħa tal-Blues, l-objettiv huwa li jikkwalifikaw fiż-żona Ewropa biex dan il-konfront għandu jintlagħab fuq tattika offensiva. 

Is-Slimiżi se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Bernardo Murilo filwaqt li l-Balzanin jilqgħu lura lil Momcilo Raso minn sospensjoni. 

Marsaxlokk v Sta Lucia – Marsaxlokk, li qed jaqsmu t-tielet post flimkien mat-team promoss Sliema Wanderers, fuq il-karta jibdew favoriti li jiskbu t-tliet punti kontra Sta Lucia li jinsabu fiż-żona l-ħamra. 

Iżda dawn tal-aħħar jin­żlu motivati minħabba li fil-logħba preċedenti rreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 1-0 u għaldaqstant jistgħu jibnu fuqha fit-tentattiv li jsalvaw mill-għarqa. 

Filwaqt li huma jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli, Marsaxlokk ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiż Armah Ayo Vaikainah iżda jirritorna Ryan Scicluna minn sospensjoni.  

Sirens v Naxxar L. – Nax­xar Lions, it-team rivelaz­zjoni tal-istaġun, jilagħbu kontra t-team tal-qiegħ tal- klassifika, Sirens, li issa ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar 11-il ħarġa … bl-aħħar rebħa tkun reġistrata fit-8 ta’ April, li għadda, fuq Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-2. 

Fil-veritá, se tkun diffiċli għall-Pawlini biex isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni meta għandhom biss żewġ punti. 

Min-naħa l-oħra, il-Lions bħal donnhom qabdu ritmu li jekk jibqgħu juru l-istess konsistenza ma tkun l-ebda sorpriża li jibbukkjaw posthom fil-UEFA Conference Lea­gue.

Peró għal din il-partita se jkunu mingħajr is-sospiżi, Elizeu Da Conceicao u William Da Silva Marcilio.    

Gudja U. v Birkirkara – Friski mir-rebħa ta’ 3-0 fuq Hamrun Spartans, Birkirkara jaffrontaw lil Gudja Uni­ted li, bħal Sirens, għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa. 

Huma ilhom 17-il logħba mingħajr rebħa u inċidentalment din is-sensiela negattiva bdiet kontra Birkirkara, nhar il-11 ta’ Frar, li għadda bl-iskor ta’ 3-1.

Min jaf? Forsi f’dan il- programm il-Gudjani jirreċiprokaw il-kumpliment!!

Għalihom jirritornaw Karl Micallef u Abou Toure minn sospensjoni filwaqt li Birkirkara għandhom lil Jovan Pajovic sospiż.

Barra minn hekk, il-presi­dent ta’ Birkirkara, Michael Valenzia, ingħata sospensjoni ta’ tmien logħbiet. 

Hamrun S. v Gzira U.– Hamrun Spartans jitlaqgħu kontra Gzira United fejn ma jistgħux ifallu minħabba li ma jridux jaqtgħu l-kuntatt mal-leaders Floriana. 

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa u għaldaqstant jagħmlu l-almu kollu biex jirritornaw għar-rebħ. 

Iż-żewġ timijiet għandhom żewġ players sospiżi- Ognjen Bjelicic u Elionay da Silva (Hamrun S.) u Luis Riascos u Gabriel Bohrer Mentz (Gzira U.)

Ekonomija

Sport