Wednesday, November 13, 2024

Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tas-Seniors: Tony Drago jikkwalifika għall-kwarti finali

Aqra wkoll

Wara li t-Tnejn li għadda fi Crucible f’Sheffield ġie fi tmiemu l-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker, fl-istess post l-Erbgħa ngħata bidu għal Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tas-Seniors. Il-Ħamis tard filgħaxija, Tony Drago, li huwa wieħed mill-players mistiedna biex jieħdu sehem f’din l-erbatax il-edizzjoni ta’ dan il-Kampjonat lagħab l-ewwel konfront tiegħu kontra l-Kanadiż, Vito Puopolo, fejn kellu rebħa konvinċenti ta’ 3-0.

Dan il-kampjonat huma miftuħa għal players -il fuq minn 40 sena u b’kollox ser ikunu ħadu sehem 16 il-player minn seba’ pajjiżi differenti. Drago kien fost seba’ players li kellhom stedina mill-World Snooker Federation għal dan il-kampjonat ta’ prestigju. Il-players l-oħra mistiedna m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni fix-xena internazzjonali tas-snooker u dawn huma Mark Davies, Ken Doherty, Stephen Hendry, Joe Johnson, Lee Walker (ir-rebbieħ ta-sena l-oħra) u Jimmy White. Id-disa’ players l-oħra kkwalifikaw minn numru ta’ tournaments oħra li saru fir-Renju Unit kif ukoll ir-rebbieħa tal-Kampjonati tas-Seniors tal-Ewropa, tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u dak tal-Pan Amerika. Dan tal-aħħar kien propju l-Kanadiż Puopolo l-avversarju ta’ Drago. Ic-champion Afrikan, Mohamed Khairy, kellu jiġi mibdul fl-aħħar ħinijiet peress li ma’ setax jivvjaġġa minħabba raġunijet ta’ viża.

Drago ħa 37 minuta biss biex għalaq din il-logħba li f’din l-fażi tintlagħab fuq l-aħjar minn ħames frames. Huwa rebaħ l-ewwel frame 70-5, it-tieni frame 62-23 u għalaq l-logħba bi break ta’ 73 punt għal punteġġ ta’ 111-21. S’issa dan huwa l-ogħla break tat-tounament. Matul din il-logħba Drago kien statistikament eċċellenti meta kellu l-ħin tal-kolp medja ta’ 12.96 sekondi biss u rata ta’ suċċess tal-kolp ta’ 94.74%.

Issa Drago fil-Kwarti Finali jiltaqa’ kontra l-Ingliż ta’ 50 sena, Mark Davies, li għadu attiv fil-karriera professjonali u bħalissa jinsab fis-68 post fis-snooker rankings tad-dinja. Fil-fatt kien viċin li jkun fost l-aħħar 32 player li kkompetew fil-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker li saru l-aħjar jiem. Huwa tilef f’mod drammatiku fir-raba’ u l-aħħar tar-round ta’ kwalifikazzjoni kontra Joe Perry. Huwa falla boċċa roża li biha kien jagħlaq il-logħba iżda ta’ ċans lil Perry biex jisforza frame deċiżiv li kien mirbuħ biss bl-aħħar boċċa sewda.

Il-kwarti-finali bejn Drago u Davies issa tintlagħab is-Sibt fuq l-aħjar minn seba’ frames u tibda fit-3.30 p.m. (ħin lokali).

Ekonomija

Sport