Il-kwadru tal-Aħħar 16 tal-Kampjonat tad-Dinja tas-snooker li qed isir fil-Crucible Theatre ta’ Sheffield, qed ikompli jingħaqad meta Mark Williams, Mark Allen, Stuart Bingham u Neil Robertson ingħaqdu ma’ Mark Selby, Zhou Xintong, Ronnie O’Sullivan, Jackson Page, Anthony McGill u Stephen Maguire fit-tieni round.
Williams deher fil-burdata li jżid mal-ammont tiegħu ta’ tliet titli fil-Crucible hekk kif għamel erba’ century breaks f’rebħa 10-3 fuq Michael White.
Williams, 47 sena, li qed jagħmel l-24 dehra tiegħu fl-istadji televiżivi f’Sheffield, lagħab aħjar fir-round tal-ftuħ. Wara li ra li għeleb lill-kompatrijott tiegħu minn Wales, issa se jiffaċċja sieħeb ieħor fil-prattika, Jackson Page, player li huwa jfisser bħala “ir-raba’ iben.”
Fuq l-evidenza tal-prestazzjoni tiegħu kontra White, Williams qed jilgħab tajjeb biżżejjed biex iżid mat-titli mondjali li kiseb fl-2000, 2003 u 2018.
Williams ħa vantaġġ ta’ 7-2 fl-ewwel sessjoni u għamel breaks ta’ 121, 90, 71, 116 u 138. Fit-tieni sessjoni rebaħ l-ewwel żewġ frames qabel ma White rrisponda bi 83. Iżda White, it-tieni dilettant biss li lagħab fil-Crucible, lanqas seta’ iġiegħel intervall fit-tieni sessjoni hekk kif Williams għalqet il-konkors fit-13-il frame b’century ta’ 121.
Allen għadda minn prova diffiċli kontra Scott Donaldson meta għelbu 10-6, u issa se jipprova jqajjem memorji tal-unika laqgħa preċedenti tiegħu fil-Crucible ma’ Ronnie O’Sullivan.
In-numru 15 tad-dinja, Allen deher fil- periklu meta Donaldson niżel minn 7-4 għal 7-6, iżda spiċċa b’saħħtu biex ħa l-aħħar tliet frames u waqqaf konfront tal-aħjar minn 25 frames ma’ O’Sullivan.
Allen beda t-tieni sessjoni 5-4 minn fuq u għamel break ta’ 57 biex ħa l-frame tal-ftuħ u rdoppja. Fil-11-il wieħed, Donaldson illidja 47-35 iżda falla l-kannella għal rokna ta’ fuq u Allen ikkastigah billi kklerja u kabbar il-vantaġġ għal 7-4.
L-Irlandiż seta’ żied il-vantaġġ, iżda falla l-ħamra ta’ qabel tal-aħħar biex kien Donaldson li rebaħ it-12-il frame u ara dan rebaħ it-13 ukoll biex għamilhom 7-6.
Break ta’ 52 għen lil Allen jieħu l-14-il frame li niżel għal battalja fuq l-aħħar ħamra, u għamilhom 9-6, u l-Pistol issiġilla ir-rebħa fis-16-il frame bi breaks ta’ 34 u 38.
Il-favorit li jirbaħ it-tournament, Neil Robertson, kiseb rebħa emfatika ta’ 10-5 wara li rkupra minn żbilanċ bikri biex illidja lil Ashley Hugill 6-3 wara s-sessjoni tal-ftuħ.
L-Awstraljan Robertson wasal Sheffield minn dak li jiddeskrivi bħala l-aqwa staġun tiegħu. In-numru tlieta tad-dinja rebaħ l-English Open, il-Players Championship u t-Tour Championship kif ukoll it-tieni titlu tal-Masters f’Jannar.
Kien it-Thunder from Down Under li rebaħ l-ewwel frame wara nofsinhar, bi clearance totali ta’ 127. Madankollu, Hugill ma qatax qalbu mill-okkażjoni tant li bumbardament sorpriża ta’ tliet frames wara xulxin rawh jieħu l-kontroll tal-logħba mgħejun minn breaks ta’ 85 u 77 biex daħal 3-1 minn fuq fil-mistrieħ.
Meta reġgħu bdew, Robertson żied il-pressjoni u reġa’ ħa l-inizjattiva. Breaks ta’ 72, 97, 109 u 132 għenuh jirbaħ ħames frames wara xulxin biex dawwar il-logħba fuq rasha u għalaq is-sessjoni 6-3 fil-vantaġġ.
Meta l-logħba tkompliet il-bieraħ fil-għodu Robertson kompla biex rebaħ tliet frames oħra għal 9-3 li fihom Hugill għamel 57 punt biss u wara dan huwa pproduċa breaks ta’ 51 u 82 biex għamilhom 9-5 iżda l-aħħar kelma kienet tal-Awstraljan li għalaq bir-raba’ century break ta’ 109. Min-naħa tiegħu Bingham kien tajjeb wisq għaċ-Ċiniż, Lyu Haotian, meta għamel xejn inqas minn tmien breaks rebbieħa u għelbu 10-5.
Kien Lyu li beda biex rebaħ l-ewwel frame, iżda Bingham ħa t-tieni wieħed fejn f’dan għamel break ta’ 52 bil-ħin tal-mistrieħ jasal wara li żied century break ta’ 103.
Imbagħad Bingham qata’ ‘il quddiem b’erba’ breaks ta’ 54, 85, 86 u140 li huwa l-ogħla break s’issa tat-tournament biex mar 6-2 minn fuq. Id-disa’ frame kien meraviljuż għax wara li Bingham għamel break ta’ 68, Lyu rrisponda b’69 biex l-ewwel sessjoni għalqet 6-3 għal Bingham.
Fit-tieni sessjoni saru sitt frames oħra fejn b’Bingham jagħmilhom 8-3 u Lyu rrisponda bi tnejn ukoll bil-logħba tagħlaq b’żewġ breaks oħra minn Bingham fejn fis-sitt frames Bingham għamel breaks ta’ 66 u 68 u Lju tlieta ta’ 86, 62 u 55.