Saturday, December 14, 2024

Kampjonati Ewropej tal-Għawm: David Popovici jirreġistra rekord tad-dinja fil-100m freestyle

Aqra wkoll

Bħalissa f’Ruma qed isiru l-Kampjonati Ewropej tal-Għawm li bdew nhar il-Ħamis li għadda u jintemmu l-Ħadd li ġej. B’kollox qed isiru ħames dixxiplini li huma l-għawm, l-għawm fl-ilma miftuħ, għawm artistiku, qbiż u qbiż mill-għoli.

S’issa ħallew il-marka tagħhom l-għawwiem sensazzjonali Rumen ta’ 17-il sena, David Popovici, u l-Italja, li s’issa rebħu xejn inqas minn 10 midalji tad-deheb, tmienja tal-fidda u erbgħa tal-bronż.

Popovici rebaħ il-100m freestyle s-Sibt li għadda fil-ħin rekord tad-dinja ta’ 46.86 sekondi, li kien twaqqaf mill-Brażiljan Cesar Cielo fil-ħin ta’ 46.91 fl-istess post fejn saru l-Kampjonati tad-Dinja 2009, fl-istess pixxina famuża tal-Foro Italico.

Issa dan ir-rekord huwa proprjetá ta’ wieħed mill-istilel emerġenti tal-isport, Po­povici, li kien segwit fit-tieni post mill-Ungeriż, Kristof Malik f’47.47 li ħa l-midalja tal-fidda u Alessandro Miressi, Taljan ukoll, rebaħ dik tal-bronż f’47.63.

Min-naħa tan-nisa ntrebħu tlieta oħra tad-deheb li ġew minn Simona Quadarella fit-800m fil-ħin ta’ 8:20.54, Margherita Pan­ziera fil-200m  backstroke fi 2:07.13 u Bene­detta Pilato fil-100m breastroke f’1:05.97.

Imbagħad kien hemm s-suċċess tripplu ta’ Giorgio Minisini f’Artistic Swimming li huma s-solo free routine tal-irġiel b’total ta’ 88.4667 punti, s-solo technical  b’total ta’ 85.7033 punti u l-mixed free routine ma’ Luc­rezia Ruggiero bit-total tal-punti jkun ta’ 89.7333.

L-Ukrajna qed jispikkaw fl-Artistic Swimming meta l-ħames midalji tad-deheb li rebħu kollha ġew f’din id-dixxiplina.

Min-naħa tal-Olanda huma rebħu tlieta tad-deheb li tnejn minnhom ġew min-nisa fil-100m freestyle minn Marrit Steenberg u fil-4x200m freestyle relay u l-oħra ġiet fil-mixed freestyle relay tal-4x100m.

Għal Steenberger it-tliet rebħiet kienu storiċi għax minbarra dik individwali kienet ukoll fit-team taż-żewġ relays.

KATINKA HOSSZU QED TĦARES LEJN IL-100 MIDALJA

Meta tirbaħ 97 midalja, dan ifisser li ma ġara xejn b’kumbinazzjoni. Huwa frott ix- xogħol, iċ-ċaħda personali u s-sagrifiċċji. Katinka Hosszu, iċ-champion Ungeriża mul­­tidimensjonali, hija leġġenda tal-għawm f’pajjiżha. Hija tip determinat, konvinta u determinata, tant li kisbet il-laqam ta’ “Iron Lady”.

“Il-motto tiegħi huwa: ix-xogħol iebes dejjem jagħti l-frott. Jien tajt lili nnifsi għan f’din il-parti tal-karriera tiegħi, jien l-eqreb minn kulħadd biex nirbaħ 100 midalja u ma jkunx ħażin għal-laqam ta’ “Iron Lady” li jmur madwar u tkun assoċjata ma’ numru daqshekk importanti. Huwa għalhekk li nagħmel ħafna tlielaq, qatt ma ħarist lura. Superpotenza li nixtieq li kelli mingħand Iron Lady? Nixtieq inkun nista’ intir u nħossni libera fuq kollox u minn kulħadd”.

Hosszu diġà rebħet midalja f’Ruma. Bronż fl-4x200m freestyle relay, preċiżament is-97 midalja tagħha. Mhux hekk biss, diġà fit-Tazza tad-Dinja tal-2009 kienet ġiet innutata. “Inħobb lil Ruma u lill-Italja b’mod ġe­nerali u kull darba li niġi biex nikkompeti f’dan il-pajjiż inħossni kuntenta. Inħobb ħafna l-ikel u n-nies. U mbagħad inħobb ngħum f’Ruma. Ħafna drabi niġi għas-Sette Colli. Hawnhekk irbaħt l-ewwel midalja tad-deheb tad-dinja (400m imħallta) fl-2009”.

L-imħabba tagħha għall-għawm twieldet ta’ età żgħira ħafna, grazzi għal nannuha, li kien coach.

Ekonomija

Sport