Kapijiet tal-industrija tat-teknoloġija jridu kontrolli akbar fl-iżvilupp tal-AI

Aqra wkoll

Qed isiru diskussjonijiet dwar il-futur tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fl-istess ħin f’żoni differenti tal-Istati Uniti, u wħud mill-opinjonijiet li qed ikunu espressi minn gruppi u individwi diffeenti jidhru wkoll li huma ferm ’il bogħod minn xulxin.

Il-kap eżekuttiv ta’ OpenAI, Sam Altman, stqarr f’konferenza f’Kalifornja li “d-dinja għandha tafda” lill-kumpaniji tal-AI biex jaġixxu kif suppost fejn jidħol il-kontroll tar-riskji assoċjati ma’ din it-teknoloġija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla. 

Altman semma li l-pass li bih qed tavvanza l-intelliġenza artifiċjali huwa tal-biża’. Huwa jsemmi l-inċident ta’ HuggingFace u dak li jsejjaħ bħala “inċidenti” oħra. “M’għadx hemm bżonn ta’ daqstant immaġinazzjoni biex nimmaġinaw kif dan kollu jista’ jmur ħażin,” jgħid huwa.

Min-naħa l-oħra, jgħid li l-kumpaniji qed jistqarru li se jnaqqsu r-ritmu jew jaġixxu b’responsabbiltà biss jekk kumpaniji oħra jagħmlu l-istess, u n-nies qed jibdew jibżgħu tassew li l-kumpaniji tal-AI jistgħu jiksbu wisq poter u influwenza.

Leġiżlaturi u attivisti li nġabru f’Washington DC għall-“Pro-Human Assembly” appellaw għal kontrolli akbar fuq l-iżvilupp u l-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali.

Matul din l-assemblea, is-Senatur soċjalista ta’ Vermont, Bernie Sanders, filwaqt li wissa li l-iżvilupp rapidu tal-AI iġib miegħu r-riskju ta’ telf kbir ta’ impjiegi u theddid għall-privatezza tan-nies, ħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Uniti u taċ-Ċna biex jikkollaboraw flimkien fuq ir-regolamentazzjoni tal-AI.

L-alleat ta’ Trump, Steve Bannon, tkellem favur azzjoni governattiva akbar f’wirja rari ta’ kunsens dejjem jikber dwar il-futur tal-AI li jaqsam il-linja ideoloġika soda fil-politika tal-Istati Uniti. Iżda fuq il-kosta tal-punent tal-Istati Uniti, l-atturi ewlenin fl-iżvilupp tal-AI qasmu viżjoni differenti ta’ kif għandhom jimmaniġġjaw il-ġgant li minn chatbot umli dar f’theddida ta’ tmiem il-ħajja umana fi ftit snin.

Jensen Huang, kap eżekuttiv ta’ Nvidia, li timmanifattura ċ-ċipep tal-kompjuter li jagħtu l-enerġija lill-AI, jemmen li l-industrija tista’ tissorvelja lilha nnifisha. “M’għandniex bżonn liġijiet jew regolamenti ġodda,” qal fl-istess konferenza f’San Francisco. 

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Anthropic, Dario Amodei, li qabel kien favur li jonqos ir-ritmu tal-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali (AI), qal waqt konferenza organizzata minn Salesforce li l-industrija tal-AI għandha tistabbilixxi standards ta’ sigurtà u ta’ investiment.

B’rabta ma’ dak li qed jiġri f’Washington, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump esprima ruħu kontra t-tnaqqis fir-ritmu tal-iżvilupp tal-AI. Huwa ddeskriva s-sejħiet għal waqfa temporanja bħala “ingann” u sostna li ċ-Ċna tkun il-pajjiż benefiċjarju ewlieni jekk l-iżvilupp tal-AI inaqqas il-pass u r-ritmu li miexi biħ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport