Kull każ li jinvolvi t-tmiem tal-ħajja huwa traġedja fih innifsu. Huwa traġedja mhux biss għax tkun mietet persuna imma wkoll għax tħalli impatt profond u trawma severa fuq ħafna, partikularment fuq il-familjari, il-qraba u l-ħbieb ta’ dak li jkun. U t-trawma tkun akbar iktar u iktar jekk il-mewt tkun ikkaġunata mill-vittma stess.
Għalhekk, il-prevenzjoni tas-suwiċidju tibqa’ sfida nazzjonali importanti u teħtieġ aktar għarfien, aktar diskussjoni miftuħa u fuq kollox, aktar empatija u servizzi ta’ għajnuna li jkunu aċċessibbli bla tfixkil għal min ikollu bżonnhom.
Fl-isfond ta’ dan kollu, fl-10 ta’ Settembru, il-komunità internazzjonali osservat il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Dan il-jum, li ġie stabbilit fl-2003 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (IASP), flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), għandu l-għan li minbarra li jnaqqas il-prevalenza tas-suwiċidju, itaffi wkoll l-istigma marbuta mal-mard mentali.
Il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-jum dinji għal din is-sena kien wieħed ċar ħafna; dak li s-suwiċidju huwa prevenibbli; li jista’ jiġi evitat. Iżda nemmnu li biex il-prevenzjoni tkun effikaċi, il-kura tas-saħħa mentali trid tibqa’ prijorità nazzjonali assoluta u sostnuta minn investiment qawwi ta’ kull xorta u livell, kif diġà qed isir minn dan il-Gvern.
Fil-fatt, il-Gvern investa mal-4.5 miljun ewro biex, jiżdiedu s-servizzi relatati mas-saħħa mentali fil-komunità u kif ukoll il-bini ta’ sptar akut għas-saħħa mentali. Investimenti bħal dawn huma biss parti minn ħidma kontinwa biex persuni li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet emozzjonali u/jew minn fażijiet ta’ solitudni jkollhom fejn jirrikorru għall-għajnuna meta jiġu bżonnha.
Anki fil-livell industrijali is-saħħa mentali trid tingħata attenzjoni qawwija. Il-General Workers’ Union dan fehmitu u għalhekk mhux biss li dejjem tisħaq fuq l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa mentali tal-ħaddiema f’kull post tax-xogħol imma anke tgħin lil dawk li b’xi mod jew ieħor jistgħu jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli f’ħajjithom.
Daqstant ieħor huwa obbligu ta’ min iħaddem li meta jfeġġu sinjali ta’ diffikultà li ħaddiem ikun għaddej minnha jagħraf jaġixxi u jieħu l-passi xierqa minnufih biex joffri appoġġ u l-għajnuna kif meħtieġ.
Il-prevenzjoni tal-mard mentali mhix responsabbiltà ta’ persuna jew istituzzjoni waħda. Hi responsabbiltà kollettiva. U aktar ma nkunu kapaċi nitkellmu dwar sitwazzjonijiet ta’ saħħa mentali b’mod miftuħ, aktar inkunu qed nibnu soċjetà li taf tagħder u tagħti valur lill-ħajja u lill-benesseri ta’ kull persuna.
