Ninsabu biss ftit sigħat bogħod mill-ġurnata tal-Milied u minn qalb l-attenzjoni tal-midja fuq il-pandemija, Kapitlu Tlettax f’kollaborazzjoni ma’ Andy Muscat, Raquel u Maria Cini, fl-aħħar sigħat ħadu l-opportunità biex iwasslu messaġġ ta’ mħabba u jfakkruna li ż-żmien ma jistenna lil ħadd.
“Mhux għal kulħadd hena u sliem, hemm min qiegħed jibki fis-skiet tista’ toffri definizzjoni wiesgħa ferm aktar milli naħsbu. Bħala artist meta nikteb u nibda ngħaqqad il-lirika nkun nista’ napprezza l-abbilità tal-lingwa tagħna li b’vers niġbor lil dawk li tilfu persuni għal qalbhom f’dawn iż-żminijiet, oħrajn li jinsabu waħidhom f’xifer l-irdum, oħrajn li minħabba diżabbilitajiet li ġew fuqhom għall-għarrieda fl-aħħar ġimgħat għadhom ma jistgħux jifhmu d-destin kiefer tagħhom, u min jaf kemm oħrajn fosthom dawk il-ġenituri li sfaw waħidhom wara li rabbew lil uliedhom b’tant għożża”, Spjega magħna Joseph li huwa l-artist wara l-lirika tal-kanzunetta ġdida “Reġa’ ġie il-Milied”.
Meta mistoqsi minn dan is-sit rigward x’hemm pjanat għas-sena d-dieħla, Joseph ikkonferma magħna li minkejja li bħalissa bħala Kapitlu Tlettax jinsabu impenjati f’Mużika Mużika, tista’ tgħid kuljum ikun hemm sigħat ta’ “tħarbix ta’ lirika li tkun qiegħda fil-ħsieb, ħafna kitba u ħafna ideat, iżda imbagħad fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm ideat li jispikkaw fuq l-oħrajn. “Hekk nibtet din il-kanzunetta. Kont qiegħed miġbur mal-familja tiegħi u reklam partikolari li forsi ħafna oħrajn rawh fil-midja barranija u baqgħu għaddejjin qishom ma raw xejn, jiena xtaqt inwassal il-messaġġ bil-lingwa tant sabiħa tagħna”, kompla Joseph.
Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-kanzunetta huwa li meta l-ulied jikbru l-ħin bħal donnu jsir l-għadu tagħhom; li jagħmlu kif jagħmlu biex ilaħħqu jsibu ħin għal dawk l-aktar li jirrispettawhom, bħal donnu jaslu jaċċettaw li jistrieħu fuq u “iva tkun darba oħra” mingħajr ma jġibu quddiem għajnejhom li jaf ma jkollhomx ċans ieħor. Fil-kanzunetta, il-missier iddisprat fis-solitudni wara l-mewt ta’ martu jasal fl-estremità li jwassal twissija lil uliedu li kien qiegħed verament ħażin u li ma tantx kien fadlilhom żmien. L-ulied jitilqu kollox minn idejhom, biex mal-wasla tagħhom għand missierhom isibuh f’saħħtu b’ikla bnina mħejjija minnu biex igawdi liż-żewġt uliedu li rabba flimkien ma’ martu b’tant għożża.