Tifla ta’ sitt snin li flimkien mal-familja tagħha kienet waqt vaganza, irrealizzat li tilfet sinna wara li niżlet minn fuq l-ajruplan.
Malli indunat x’kien ġralha nfaqgħet tibki u emozzjonat ruħha għax irrealizzat li mhux se jkollha snien xi tpoġġi taħt l-imħadda tagħha u għalhekk it-tooth fairy ma kinitx se żżurha.
L-omm spjegat kif għall-ewwel ippruvaw imorru lura fuq l-ajruplan iżda dan ma kienx possibbli.
Kien f’dak il-mument li l-kaptan tal-ajruplan iddeċieda li jneħħi d-dwejjaq tat-tifla. Huwa mar ħdejha u qalilha li se jikteb ittra personalment hu lit-tooth fairy u li din żgur mhux se ssib oġġezzjoni kif jispjegalha s-sitwazzjoni.
Fl-ittra talab lit-tooth fairy biex tieħu din in-nota flok is-sinna tat-tifla għaliex kienet waqgħet fuq l-ajruplan. Hekk kif taha l-ittra t-tifla dehret kuntenta mill-ġdid għax serrħet rasha li t-tooth fairy ser taċċetta l-ittra mingħand il-kaptan.
Il-ġenituri rringrazzjaw lill-kaptan li kien irnexxielu jbiddel il-burdata ta’ binthom. United Airlines iddikjarat li f’mumenti bħal dawn iħossuhom tassew kburin bil-ħaddiema tagħhom.