Wednesday, December 25, 2024

Karate Tim Malta jtemm fit-tielet post fit-tmien edizzjoni tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Aqra wkoll

F’wirja spettakolari ta’ ħila, determinazzjoni, u perseveranza, Tim Malta irnexxielu jagħmilna kburin billi jakkwista t-tielet post fit-tmien edizzjoni tal-Kampjonati tal-Karate tal-Istati ż-Żghar tal-Ewropa. F’din l-edizjoni, li saret ġewwa l-Liechtenstein, ħadu sehem 222 atleta minn tmien pajjiżi biex jikkompetu f’61 kategorija.

Minkejja l-kompetizzjoni iebsa li affaccjaw din is-sena, Tim Malta irnexxielu jakkwista riżultat ferm tajjeb bis-saħħa tal-Kowcis Josef Antonelli, Michelle Vella u Rejla Miljanovic. It-tim, li ikkonsista minn 31 atleta ta’ etajiet bejn 12 – 26 il-sena, ippreparaw ruħhom bla waqfien u rnexxielhom jakkwistaw 10 midajli tad-deheb, 2 tal-fidda u 26 tal-bronż.

Bla dubju, atleta li ħalla impressjoni kbira kien Luke Galea ta’ 23 sena, li riċentament irritorna għall-Karate wara żmien wieqaf. Galea, li rebaħ żewġ midalji tad-deheb fil-Kumite tal-irġiel taħt l-84kg kif ukoll fl-Open, irnexxielu jiġbed l-attenzjoni tal-Federazzjoni mondjali tal-Karate li saħansitra semmietu b’ismu. Galea, li ilhu ma jikkompeti mill-2018 qal li jħossu f’postu u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jkun lura fuq it-Tatami.

Atleta oħra li spikkat kienet Jessica Vella ta’ 16 il-sena, li akkwistat żewġ midalji tad-deheb u waħda bronż – l-ikbar ammont ta’ midalji għal atleti individwali f’Tim Malta. Vella, li ġiet l-ewwel post fil-kategorija tal-bniet tal-Junior Kata, l-ewwel post fit-tim Kata (flimkien ma Francesca Saliba u Evie Roadley-Battin), u t-tielet post fil-kategorija tal-adulti tal-Kata, qalet li dan il-kampjonat kien “pass ieħor żgħir f’numru ta’ suċċessi kbar. Grazzi lil dawk kollha li ssagrifikaw ħinhom u l-enerġija tagħhom sabiex jgħinuni nagħmel il-ħolm tiegħi realta’”.

Highlights oħrajn kienu midalja tad-deheb għal Gabriel Camilleri u Kai Lehyson ta’ 26 sena u 19 il-sena rispettivament, żewġ midalji tad-deheb għal Mikele Bonnici u Jenna Awad li huma l-iżgħar parteċipanti fil-kategorija ta’ taħt l-14 il-sena, u l-prestazzjoni impressjonanti ta’ Thyis Antonelli li għelbet kontestanta li kisbet midalja fil-World Youth Cup, bi tmien punti qabel l-ewwel nofs tal-ġlieda.

Lejn l-aħħar tal-kampjonat, Matthew Vella, Dimitar Petrov u Daniel Spearing ħolqu spettaklu, u għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Tim Malta, akkwistaw midalja tad-deheb fil-Kata tal-adulti bil-Bunkai. Bosta Kowċis barranin sfaw impressjonati u kkumplimentaw din il-prestazzjoni Maltija.

Grazzi speċjali tmur għall-uffiċjali tat-Tim Jesmond Schembri u Audrey Zammit, u r-referees Nazzjonali Anthony Zammit, Susan Sciortino, Jason Edwards, Cristina Tonna u Frankie Vella, li ġew imħabbra bħala referees Internazzjonali fil-kampjonat, filwaqt li servew bħala judges.

Id-disa’ edizjoni tal-Kampjonati tal-Karate tal-Istati ż-Żghar tal-Ewropa ser issir il-Lussemburgu fl-2023.

Il-president tal-Federazzjoni, Kenneth Abela, irringrazzja lil Sport Malta u l-KOM tas-sapport kontinwu tagħhom.

Ekonomija

Sport