Monday, April 29, 2024

KARIGI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Mexxejja Ewropej, mhux lanqas fil-Parlament Ewropew, jiftaħru kif fl-Ewropa kollox dwar l-appuntamenti għall-karigi uffiċjali jsir bil-galbu u kif l-istess għandu jsir fil-pajjiżi membri. Għalhekk, l-iskandlu dwar kif intgħażel ir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għal mal-impriżi żgħar u ta’ daqs mezzan qajjem storbju.

Il-bniedem magħżul kien id-deputat Ġermaniż tal-Partit Popolari fil-Parlament Ewropew Pieper. Kien kritiku kostanti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għalkemm mill-istess “familja” politika tagħha. Tqajmu lmenti (naħseb ġustifikati) dwar kif il-proċeduri li bihom intgħażel mill-Kummissjoni Ewropea ġew manipulati ħalli jingħata l-kariga, minkejja li kien hemm applikanti oħrajn li kienu aktar adatti. Von der Leyen ma riditux joħolqilha xkiel fil-kampanja tagħha fl-elezzjonijiet Ewropej. Membri soċjalisti tal-Kummissjoni Ewropea pprotestaw kontra dil-ħaġa.

Kumment ovvju imma tajjeb li jsir: Dawn li jħawdu b’dal-mod fir-regoli Ewropej ta’ tmexxija ilhom jippriedkawlna kif irridu mmexxu pajjiżna bil-galbu. U jistennewna neħduhom bis-serjetà!

LUKANDI

Qrajt dan l-aħħar rapport qasir u interessanti dwar kif twaqqfet u tmexxiet il-lukanda Preluna matul l-aħħar ħamsin sena jew aktar. Minn dan qamet ir-riflessjoni: Il-lukandi Maltin u Għawdxin kienu element ewlieni fl-iżvilupp tat-turiżmu f’Malta. L-istorja tagħhom rari (qatt?) ma tintqal. Imma hi storja li minnha hemm ħafna x’nitgħallmu.

Barra l-Preluna, hemm il-Hilton tal-lum u x’ġie qabilha, ix-Sheraton tal-antik, l-Excelsior fil-Furjana, il-Mellieħa Bay Hotel u f’Għawdex, id-Duke of Edinburgh u l-lukanda ta’ Ċenċ. Dawn huma l-ismijiet l-aktar magħrufa. Hemm oħrajn. Niddubita kemm l-istorja tat-turżmu f’Malta ġiet rakkuntata mill-perspettiva tagħhom. Jekk xi ħadd jidħol biex jagħmel hekk, ikun qed jaffronta sfida mill-aktar siewja. Naħseb tagħtina ideat ġodda dwar x’jagħmel it-turiżmu tagħna is-suċċess li kien u għadu.

ATTAKK FUQ IŻRAEL

L-attakk “enormi” li tal-Iran tellqu lejn l-Iżrael ftit jidher li kellu suċċess, fis-sens li wettaq xi ħsara sinjifikanti. Anzi wera kemm l-Iżrael għandu difiża effettiva kontra l-attakki mill-ajru.

Li ma nistax nifhem hu d-diskors dwar ritaljazzjoni. Min qed jirritalja kontra min?

Kif nafu, l-Iran u l-Iżrael ilhom ma jinħamlux. It-tnejn ilhom jaraw kif se jxejnu lil xulxin, u ma jibqgħu lura kważi minn xejn meta tinqala’ xi opportunità biex iwaħħluha bil-kbir lil xulxin, b’akkużi ta’ terroriżmu li jfuru min-naħat kollha.

Minnufih wara l-attakk tal-Iran, l-Iżrael għamilha ċara li se jirritalja. Imma għall-Iranjani, l-attakk tagħhom diġà kien att ta’ ritaljazzjoni. M’ilux, il-konsolat tagħhom f’Damasku nqered b’attakk mill-ajru li fih inqatlu uffiċjali għolja tas-servizzi tas-sigurtà Iranjan. Iż-żewġ naħat jinsabu maqbuda f’logħba ta’ ritaljazzjoni għar-ritaljazzjoni għar-ritaljazzjoni… Ftit hemm prospetti li dil-logħba kerha, distruttiva se tieqaf fi żmien qasir.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport