Saturday, December 21, 2024

Karim Benzema se jitlef it-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Franza ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jiddenfedu t-titlu ta’ champions tad-dinja meta ħarġet l-aħbar li Karim Benzema, li għadu kif rebaħ il-Ballun tad-Deheb, se jitlef it-Tazza tad-Dinja wara injury fil-koxxa li sofra waqt it-taħriġ, nhar is-Sibt. 

Din l-injury li sofra l-player ta’ 34 sena teħtieġ tliet ġimgħat ta’ konvalexxenza.

L-attakkant ta’ Real Madrid ilu jissielet bi problema fil-koxxa minn Ottubru u lagħab inqas minn nofs siegħa ta’ football fl-aħħar sitt logħbiet tal-club tiegħu.

Benzema għadda minn testijiet mediċi wara li ħalla t-taħriġ imweġġa’ nhar is-Sibt qabel il-partita kontra l-Awstralja.

Din kienet l-ewwel darba li Benzema ħa sehem f’taħriġ sħiħ minn meta l-iskwadra ta’ Didier Deschamps iltaqgħet fil-kwartieri ġenerali fi Clairefontaine, nhar it-Tnejn li għadda.

Skont ir-regoli tal-FIFA, il-coach Didier Deschamps jista’ jsejjaħ sostitut għal plejer imweġġa’ sa nhar it-Tnejn, lejlet l-ewwel logħba tagħhom kontra l-Awstralja.

L-injury ta’ Benzema hija wġigħ ta’ ras kbira għal Deschamps, diġà mċaħħad mis-servizzi tal-midfielders Paul Pogba u N’Golo Kante, il-goalkeeper numru tnejn Mike Maignan, id-difensur Presnel Kimpembe u l-attakkant Christopher Nkunku.

Benzema, li x-xahar li għadda rebaħ il-Ballun tad-Deheb, ilu ma jilgħab partita sħiħa mid-19 ta’ Ottubru.

Hu u Raphael Varane tħarrġu apparti l-kumplament tal-iskwadra nhar il-Ħamis waqt sessjoni miftuħa għall-midja.

Id-difensur ċentrali ta’ Manchester United, Varane, ilu ma jilgħab minn meta sofra injury kontra Chelsea, fit-22 ta’ Ottubru. 

Ekonomija

Sport