Tuesday, April 30, 2024

“Aktar kemm hu kbir il-mandat tal-poplu, aktar irridu niftħu l-bibien beraħ”

Il-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors tal-għeluq tal-konferenza ġenerali tal-PL

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fiduċja f’pajjiżna hija l-bażi tal-progress u din hija l-bażi tal-politika tal-Partit Laburista għax ħadd ma jista’ jwettaq il-ġid għal pajjiżu jekk ma jemminx fih. Il-politika tal-Partit Laburista hi bbażata kollha kemm hi fuq kemm aħna konvinti mill-kwalitajiet sbieħ ta’ dan il-pajjiż u fuq kemm aħna konvinti mill-ħiliet tan-nies tagħna. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskors tiegħu fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif waqt li ħa f’idejh it-tmexxija tal-partit u sussegwentament tal-pajjiż bil-wegħda li jibni fuq it-tajjeb li kien sar qabel taħt partit laburista fil-gvern, faqqet pandemija li ġabet ħafna pajjiżi għarkupptejhom. Huwa rringrazzja lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li b’ħidma id f’id miegħu flimkien mal-bqija tal-membri ssalvagwardjaw is-saħħa tan-nies filwaqt li raw li l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet waħda reżiljenti.

M’hemmx mument fejn ikun sar biżżejjed

Abela sostna li madanakollu, minkejja li għaddew dawn l-aħħar snin tat-tmexxija Laburista li waslet wara għatx għal bidla, il-mandat tant b’saħħtu li ngħata fl-aħħar elezzjoni jfisser li l-ħidma trid tkompli b’rittmu aktar b’saħħtu.

“Ma hemmx mument fejn tgħid li issa għamilna biżżejjed għax dak ikun il-mument fejn taqbad in-niżla. Biex niksbu u nikkonvinċu aktar, jekk fi żmien għaxar snin ilu kien meħtieġ nħabbtu l-bibien biex infissru l-bidla li konna qegħdin noffru, illum jeħtieġ li naħdmu b’iktar konvinzjoni u ħeġġa biex ma nieqfu qatt noffru t-triq tal-progress”, sostna l-Prim Ministru filwaqt li żied jgħid li għal kull bieb li tħabbat fil-passat, issa l-gvern għandu impenn li jħabbat tnejn biex jiddjaloga ma iktar persuni u biex jispjega għalfejn il-bidla trid tkompli.

Gvern li ma jdwarrax wiċċu quddiem ir-realtajiet 

Fost emendi u liġijiet oħra, il-Prim Ministru tkellem dwar il-liġi tal-Kannabis u ta kelmtu li din se tkompli tissaħħaħ biex dawk li jagħmlu użu minnha ma jibqgħux jiġu trattati ta’ kriminali. Żied jgħid li hawn wisq realtajiet li ma jistax idawwar wiċċu quddiemhom u lanqas mhu lest li jkun indifferenti quddiem dawn l-istess realtajiet. Spjega kif il-Gvern se jkun qiegħed iressaq emenda fil-Kodiċi Kriminali li se tippermetti lit-tobba li meta jitterminaw tqala minħabba raġunijiet mediċi fuq l-omm, ma jittieħdu l-ebda passi kriminali kontrihom. Huwa qal li d-distinzjoni bejn il-Partit Laburista u partiti oħrajn hija li dan il-partit jisma’, iżda ma jiqafx hemm, tant li jasal biex jiddeċiedi billi wara kollox juri empatija ma’ dawk li jesprimu l-weġgħat tagħhom. Il-Prim Ministru tkellem dwar ix-xewqa ta’ pajjiż tolleranti fejn qabel persuna tiġġudika lil xi ħadd, tipprova tilbes iż-żarbun tiegħu. 

Finalment għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-ewtanasja

Tkellem dwar id-diskussjoni tal-ewtanasja li finalment trid twassal għal deċiżjoni. Huwa qal li faċli tipprevedi l-attitudni tal-Oppożizzjoni, jew kontra jew taparsi favur b’tant kundizzjonijiet u tant riżervi li jkun agħar mill-kontra. Saħaq li dwar l-ewtanasja, il-Partit Nazzjonalista stkenn fil-politika taċ-ċensura, it-triq li tixħet il-weġgħat tan-nies taħt it-tapit fejn ma tarahomx. 

Il-Prim Ministru saħaq ukoll dwar l-ugwaljanza u l-bżonn li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura quddiem il-kisbiet tal-pajjiż. Fakkar il-memorja tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici fost mexxejja oħra li mexxew lill-Partit fuq dan il-prinċipju favur il-ġustizzja soċjali fiċ-ċentru tal-politika tagħhom. Rigward ir-ripetizzjoni fuq fomm il-kelliema tal-Oppożizzjoni rigward il-fatt li l-gvern ma kellux għalfejn jinħela daqstant fuq ir-reklamar tal-budget u li kellu jkun il-budget innifsu li juri kemm hu tajjeb, il-Prim Ministru tenna li iva, kien hemm bżonn li dawk kollha li ntlaqtu tajjeb minn dan il-gvern ikunu jafu kif jistgħu jkomplu jimxu ’l quddiem b’titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom jew saħansitra jirnexxielhom jibqgħu mexjin ’il quddiem biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom.

Partit tar-riformi li mhu lest jistrieħ qatt

Il-Prim Ministru qal li dejjem kien konvint mill-futur sabiħ ta’ pajjiżna, għaliex dan il-gvern mhu lest li jistrieħ qatt. Fakkar dwar l-elf proposta fil-manifest tal-partit u l-bżonn li kulħadd jgħin biex dawn ikomplu jinbidlu f’kisbiet. Abela saħaq li dan il-gvern qatt mhu lest jgħid lil xi ħadd “issa ġejt?” u appella liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha biex jippreżentaw l-akbar proposti ta’ x’hemm bżonn jinbidel fil-pajjiż għax dan hu pajjiż li jagħti ċans lil kulħadd jersaq bl-ideat tiegħu. 

“Aħna l-Partit li noffru t-tama u s-soluzzjonijiet għall-futur. Konvint mill-futur sabiħ għax għandna fiduċja f’pajjiżna billi ngħinu lin-negozji jinvestu, billi nieħdu ħsieb l-anzjani, ngħinu liż-żgħażagħ, ma nħallu l-ebda tifel jew tifla jaqgħu lura, għalhekk aħna l-partit tar-riformi, il-partit tal-ġustizzja soċjali, tal-aspirazzjoni u fuq dawn se nibnu futur sabiħ fil-pajjiż li tant inħobbu u għandna fiduċja fih”, temm jgħid Abela.

Sport