Monday, April 28, 2025

Karmenu Mifsud Bonnici … l-ewwel diskors li għamel f’Mass Meeting bħala Prim Ministru

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Bla dubju l-akbar ġrajja għall-Moviment tal-Ħaddiema Maltin din is-sena kienet dik li b’għafsa ta’ qalb niftakru fiha, dik tat-22 ta’ Diċembru li għadda meta dak li tana r-ruħ, dak il-bniedem li għamilna nies, dak il-bniedem li refgħana lkoll mill-ħafa???, mill-injoranza u tana d-dinjità għax ried hu u kontra r-rieda ta’ sħabu u tagħkom ilkoll għadda t-tmexxija f’idejna”. Dan huwa estratt tal-ewwel diskors fil-mass meeting li kien għamel il-mibki Dott. Karmenu Mifsud Bonnici bħala Prim Ministru ta’ Malta nhar il-Ħadd, 28 ta’ April 1985. 

F’dan il-meeting kolossali Karmenu Mifsud Bonnici barra li kien ħabbar il-pjani tal-Gvern għall-ħolqien ta’ impjiegi u inċentivi kbar lill-industrija għat-tkabbir tal-esportazzjoni, kien tkellem fuq il-kwistjoni taħraq bejn l-istat u l-Knisja dwar skejjel bla ħlas, kif ukoll dwar passi importanti biex jikber il-kummerċ bejn pajjiżna u oħrajn barranin. Dakinhar, 40 sena ilu, Karmenu Mifsud Bonnici kien għamel ukoll wegħdiet importanti għall-ħaddiema dwar żewġ sfidi ewlenin li kellna dak iż-żmien – it-telf fit-tarzna u l-qagħad.

Meeting bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ Jum il-Ħaddiem

Il-ħolqien ta’ impjiegi li ra dak iż-żmien il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici kienu jinkludu tindif tal-pajjiż, impjiegi fid-distribuzzjoni tal-ilma, xogħlijiet fit-toroq u anke fil-banek. Hawn Karmenu Mifsud Bonnici kien wiegħed għajnuna fi flus lill-industrijalisti. Dan il-meeting li kien sar fuq il-Fosos tal-Furjana u kien parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ Jum il-Ħaddiem. Fir-rapport ta’ L-ORIZZONT ippubblikat 40 sena ilu, ingħad li l-qofol ta’ dan il-mass meeting intlaħaq proprju mal-wasla ta’ Dott. Karmenu Mifsud Bonnici bil-folla “immensa infexxet fil-kant ta’ l-innu popolari ‘Irriduh Irriduh’ iddedikat lilu. Tant kien kbir l-entużjażmu li fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Prim Ministru kellu jagħmel pawżiet twal sakemm jagħti ċans lill-folla turi l-imħabba lejh”.

F’dan id-diskors huwa kien qal hekk: “Ħaddiema Maltin u Għawdxin, li kieku l-organizzaturi tal-meeting għollew il-platform ftit aktar kont inkun nista’ nara l-funtana ta’ Bieb il-Belt. Imma jien ma jinteressanix l-għoli għax ġejt hawn biex nara lil qalbkom… Kull sena meta toqrob il-festa għażiża tal-Ewwel ta’ Mejju, il-ħaddiema tad-dinja kollha jiltaqgħu flimkien u jaraw x’għadda mingħalihom fl-aħħar 12-il xahar, jaraw f’hiex waslu llum u jaraw ukoll x’se jagħmlu fis-sena li ġejja”. Kien hawn li semma’ l-akbar ġrajja għall-ħaddiema meta t-tmexxija tal-pajjiż għaddiet f’idejna.

Il-Prim Ministru kien elabora li, “għalkemm għamel dan, dan il-bniedem għadu fostna għax għadu f’qalbna u jibqa’ f’qalbna għax se nibqgħu mexjin fit-tagħlim tiegħu. Dan kien bniedem kbir li għemilu kien akbar minnu u l-wirt li ħallilna huwa akbar minn għemilu. Ħallilna nazzjon b’saħħtu u d-dmir tagħna hu li nkomplu nsaħħuħ. Dmirtna nagħmluh bl-appoġġ tagħkom u bil-ħidma ta’ kulħadd”.

Ġrajja oħra importanti fl-Istorja ta’ Malta li kien semma’ “ġrat ukoll f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Kulħadd jiftakar li konna ltqajna fuq l-għolja ta’ Kordin u hemm għamilna meeting biex infakkru l-ġrajja li kienet ġrat f’dak il-post fit-28 ta’ April 1958 meta l-ħaddiem Malti qam u ħalef li jibda l-ġlied għall-Ħelsien. Dan il-jum irridu nibqgħu nfakkruh liż-żgħażagħ u lit-tfal tagħna. Dawn irridu nfakkruhom li l-ħaddiem meta nqala’ l-bżonn, ċarċar demmu u lesti li nerġgħu nagħmlu l-istess jekk inqala’ l-bżonn”.

Il-ġlieda għat-tagħlim b’xejn…

“Minn dakinhar ta’ Kordin dħalna għal ġlieda kbira li kient laħqet il-quċċata tagħha f’Settembru li għadda. Iġġielidna flimkien għax ilkoll emminna li t-tagħlim f’Malta għandu jkun b’xejn għal kulħadd. Dan iġġieldna għalih u llum flimkien nifirħu għax dan il-prinċipju issa rbaħnih għal dejjem,” kien insista Karmenu Mifsud Bonnici fost iċ-ċapċip li jtarrax tal-ġemgħa immensa quddiemu.

“Aħna l-ġlieda għamilniha għall-iskejjel sekondarji u jekk verament jinstab li dawn m’għandhomx biex iżommu l-iskejjel kollha b’xejn allura aħna nibqgħu ninsistu li għandkom biżżejjed biex iżżommu l-iskejjel sekondarji b’xejn. Però, jekk jinstab kif dejjem għidna li l-Knisja ma jkollhiex flus biżżejjed, il-Gvern jagħmel dmiru u jgħin… Mal-Knisja għamilna ftehim ieħor importanti woll. Dak li nibdew niddiskutu fuq kull ħaġa bejn il-Knisja u Stat, jiġifieri biex naslu għal Konkordat bejn Knisja u Stat Malti. Dan kollu ġie aċċettat mill-Vatikan ilbieraħ. Għalhekk din hija ġrajja importanti ħafna li wettaqna matul l-aħħar 12-il xahar.”

Il-Prim Ministru kien fakkar kif “matul l-istess perjodu għaddejna wkoll minn martirjju u kalvarju li kien ukoll ta’ ġieħ u glorja għalina u għalikom. Dan kien tul is-seba’ ġimgħat strajk tal-għalliema fejn il-volontieri u l-ġenituri għaġġbu lil kulħadd li bl-għaqal tagħhom kienu kapaċi jżommu l-iskejjel miftuħa u jieħdu ħsieb lit-tfal… Ara l-ġenituri, bħala rikonoxximent ta’ dak li għamlu tul is-seba’ ġimgħat ta’ strajk, rebħu sehem fit-tmexxija tal-iskejjel flimkien mal-għalliema u l-kapijiet”.

Kummerċ u sfidi

Temi oħra li kien miss Dott. Mifsud Bonnici kienu dwar il-Port fejn kien qal li “ukoll tħabatna biex nużaw aħjar il-Port billi niżviluppawh għall-kummerċ. Tiftakru l-ġlieda li kellna biex nirbħu l-għajnuna meħtiġa biex innaddfu l-Port mill-fdalijiet tal-gwerra ħalli nżidu x-xogħol għas-Silos u l-mollijiet”; u ftehim li kien sar mal-Unjoni Sovjetika. Dwar din tal-aħħar il-Prim Ministru kien qal li, “fl-aħħar 12-il xahar għamilna wkoll wieħed mill-akbar ftehi li pajjiżna qatt daħal għalih. Il-ftehim sar mal-Unjoni Sovjetika li aċċettat li fi tliet snin jixtri f’tiswija u bini ta’ vapuri ta’ vapuri u prodotti b’kemm jiswew 300,000,000 dollaru Amerikan. Ma jiddispjaċinix li lħaqna ftehim bħal dan”.

Aktar dwar kummerċ għal pajjiżna f’dan id-diskors Karmenu Mifsud Bonnici kien qal li, “l-aħħar 12-il xahar għamilna wkoll ftehim ieħor ta’ ġid kbir mal-Libja. Ftehim li jżid il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi u jkattar il-koperazzjoni, li joffri opportunitajiet ta’ xogħol għal ħafna Maltin li jirsistu magħna li jridu jmorru jaħdmu hemm”. 

“Għall-grazzja t’Alla xogħol inġibu”

Huwa kien aċċenna wkoll sfidi li Malta kienet qiegħda tiffaċċa f’dawk it-12-il xahar fosthom tat-Tarzna u tal-qagħad. “Kellna affarijiet mhumiex ta’ ferħ”. Dan b’referenza għat-telf mit-Tarzna imma żied li, “kellna xogħol tajjeb u aktar ikollna, iżd kellna telf aktar mis-sena ta’ qabel. Dan it-telf kien wieħed mill-akbar dispjaċiri li soffrejna. Nafu li l-ħaddiema tat-tarzna huma ħaddiema ta’ ħila u kapaċità u jekk iridu jistgħu joħorġu ta’ rġiel bħalma ħarġu meta rebħu l-kuntratt mad-ditta Cunard u lestew ix-xogħol fiż-żmien miftiehem. Dan kien imlihom bil-ġieħ u l-kuraġġ”.  Fir-rigward Karmenu Mifsud Bonnici b’nota pożittiva kien qal li, “għall-grazzja t’Alla xogħol inġibu”. 

Dwar il-problema tal-qgħad ta’ dak iż-żmien il-Prim Ministru qal lill-folla quddiemu, “aħna llum inwiegħdu lill-ħaddiema Maltin li se nintefgħu b’ruħna u ġisimna biex insolvu l-problema tal-qgħad. Dan se nagħmluh għax aħna soċjalisti u ma nistgħux naċċettaw li jkollna ħafna nies ma jaħdmux. Aħna nwiegħdu liż-żgħażagħ li fis-sena ddedikata lilhom se naħdmu biex nagħtuhom l-isbaħ rigal, jiġifieri dak tax-xogħol. Għal dan il-għan lesti nagħmlu kull sagrifiċċju. U dan se nagħmluh bil-fatti u mhux bil-kliem”.

Karmenu Mifsud Bonnici kien għalaq dan id-diskors bil-kliem: “Għalhekk ejjew nagħtu l-kelma lil xulxin li nkomplu ngħożżu s-Soċjaliżmu, inkomplu ngħinu lil min hu fil-bżonn, li naħdmu għall-ħaqq u s-sliem u flimkien naslu għar-rebħa tal-1987 bl-għajta ta’ dejjem ta’ Malta l-Ewwel u Qabel Kollox”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport