L-istorja tal-fondi li se jintużaw biex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ karozzi privati li jaħdmu bl-elettriku minflok ta’ xarabanks elettriċi tista’ titqies bħala sinjal li f’pajjiżna nippreferu li nsostnu t-trasport privat minflok dak publiku.
Naħseb li hemm kunsiderazzjoni usa’minn hekk. Wara kollox, hi ħaġa tajba li t-trasport kemm publiku, kemm privat, jinqaleb għall-elettriku. Li laqatni kienet l-ispjega għaliex kellha tittieħed id-deċiżjoni li l-fondi jintużaw għal għan u mhux għall-ieħor.
Kif jista’ jintqal li ma kienx hemm fondi biżżejjed għat-tnejn, meta s-sussidji fuq l-enerġija jibqgħu jitħaddmu għal kulħadd? Li jagħmel sens hu li s-sussidji jinżammu għal min ma jiflaħx prezzijiet għolja. Min qed ipappiha tajjeb, iħallas il-prezz sħiħ. Mit-tfaddil li jsir b’hekk, jinstabu l-fondi addizjonali meħtieġa biex kemm it-trasport publiku u kemm dak privat bl-elettriku jiġi ssusidjat. Deċiżjoni hekk tkun ekonomikament u soċjalment progressiva.
Interessanti: l-ebda partit politiku ma daħal f’dan l-aspett…
ĦWIENET TAL-KOTBA
Qed ikomplu jonqsu, mhux Malta biss. Minn kullimkien, qed jagħlqu.
L-aħħar tnejn li smajt bihom jinsabu fi Brussell u f’Berlin. Fil-kapitali Belġjana, Filigranes hu magħruf għall-firxa wiesgħa sew ta’ kotba li jkollu fi tliet ħwienet f’postijiet ċentrali tal-belt. Veru li kellhom fl-aħħar sentejn kriżijiet fit-tmexxija. L-agħar kriżi kienet li ma baqgħux vijabbli. Intqal li nstab min jista’ jidħol biex jixtrihom. Nibża’ li l-ħanut daqt jagħlaq għal kollox.
L-istess ġara f’ħanut tal-kotba magħruf ibbażat fil-Parlament Ġermaniż. Għalaq u mal-bieb hemm nota li tgħid li falla. Il-kotba u l-arranġamenti tal-ħanut għadhom hemm sakemm min imexxih jirkupra minn xi marda li ħakmitu.
Ma baqax xi jsir ħlief li wieħed jirrassenja ruħu għall-fatt li l-ħwienet tal-kotba m’għandhomx futur, jew lanqas preżent.
IPOKRESIJA
Wara l-logħba manipulattiva li biha Dr Edward Zammit Lewis ma ġiex aċċettat biex iservi bħala ġudikant fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, smajna ħafna tlablib minn dawk li organizzaw il-logħba, dwar kemm huma serji l-istandards Ewropej tal-governanza f’isem is-saltna tad-dritt.
Fl-istess ġranet, fil-Belġju, dak li sa ftit ġranet ilu kien inkarigat fil-Kummissjoni Ewropea mill-ġustizzja u s-saltna tad-dritt ġie akkużat li mexxa ħasil tal-flus meta kien ministru Belġjan. Għamel dan, intqal, fis-snin ta’ qabel sar kummissarju fl-2019.
Diversi drabi, is-sur Didier Reynders tkellem b’awtorità dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna bl-arja ta’ qaddis jipproklama kif għandhom isiru l-affarijiet. Quddiemu u sal-bieraħ id-“difensuri” Maltin tas-saltna tad-dritt kienu jagħmlu l-inkini tagħhom.
Jekk hemm ħaġa li tassew iddejjaqni dwar l-Unjoni Ewropea hi l-ipokresija grassa ta’ uħud minn dawk li jiftaħru kemm jappoġġjawha, mhux l-anqas f’Malta.