Monday, December 23, 2024

KASTIG KOLLETTIV HUWA KSUR TAL-LIĠI INTERNAZZJONALI

Aqra wkoll

L-attakk tal-grupp Hamas li wassal għall-qtil ta’ persuni ċivili innoċenti fosthom tfal u trabi hu kundannabbli għall-aħħar. Attakk brutali li jrid jiġi kundannat bla riservi għax kien fuq nies ċivili. Attakk li seħħ fi żmien kritiku ħafna. Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani eskala fl-aħħar jiem b’dan l-attakk.

Il-kunflitt beda wara li l-grupp Hamas attakka lil Iżrael u ħa f’idejh għadd ta’ rħula Iżraeljani qrib Gaża. Min-naħa tiegħu, Iżrael iddikjara b’mod ċar li jinsab fi gwerra u rritalja bi kbir. Ritaljazzjoni li rajnieha b’attakki kontinwi fuq Gaża. Attakk li ħallew ħafna vittmi innoċenti fosthom tfal. Rajna l-imblokk ta’ Gaża. L-assedju. Il-kastig kollettiv fuq ir-residenti ta’ Gaża minħabba l-attakk mill-Ħamas. Ma nistgħux ma nirrimarkawx li l-kastig kollettiv u l-imblokk ta’ Gaża huma illegali taħt il-liġi internazzjonali.

Fil-fatt l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jgħid li: Responsabbiltà individwali, pieni kollettivi, ritaljazzjoni… ebda persuna protetta ma tista’ tiġi kkastigata għal reat li ma tkunx wettqet personalment. Pieni kollettivi u bl-istess mod kull miżura ta’ intimidazzjoni jew ta’ terroriżmu huma pprojbiti. Ir-ritaljazzjoni kontra persuni protetti u l-proprjetà tagħhom huma pprojbiti. Minkejja dan il-ksur tal-liġi internazzjonali, ħafna pajjiżi għażlu li jibqgħu b’fommhom sieket. Oħrajn għażlu li jitkellmu b’mod vag ħafna. Ma naqsux oħrajn li taw l-appoġġ lill-Palestinjani u oħrajn li appoġġjaw lill-Gvern Iżraelit.

Hi sfortuna li waqt li dan il-kunflitt, rajna pożizzjonijiet polarizzati għall-aħħar. Pożizzjonijiet meħudin minn perċezzjonijiet żbaljati jew minn argumenti partiġġjani. Kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. Hu fatt li ma jista’ jiċħdu ħadd li l-Palestinjani ilhom snin twal ibatu. Ilhom snin twal bl-artijiet fejn jgħixu dejjem jitnaqqru. L-attakk tal-Ħamas kien attakk kordinat u maħsub għall-aħħar. Attakk li ħasad u wera dgħufija fil-militar Iżraeljan. Tqum il-mistoqsija: għaliex dan l-attakk seħħ propju issa? X’wassal biex il-Ħamas wettqu dan l-attakk tant kordinat? Tweġibiet għal dawn id-domandi hemm diversi. Hemm min qed jargumenta li issa l-Palestinjani xebgħu u qegħdin iħossu li m’għandhomx aktar x’jitilfu. Oħrajn jargumentaw li saru bi tpattija.

Ovvjament wieħed ma jistax ma jiħux inkonsiderazzjoni d-diskussjonijiet fi stadju avvanzat bejn Iżrael u l-Arabja Sawdija biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, liema diskussjonijiet ħadu żvolta ’l quddiem fl-aħħar ġimgħat. Ma tistax ma ssirx il-mistoqsija ta’ jekk hemmx rabta bejn l-attakki li saru u d-diskussjonijiet pożittivi bejn Iżrael u l-Arabja Sawdija biex jirranġaw id-differenzi. Li hu żgur hu r-reazzjoni qawwija minn Iżrael għall-attakki mill-Hamas, se jaffettwaw b’mod negattiv id-diskussjonijiet li kienu għaddejjin. Xi jfisser dan?

Ifisser li pass ’il quddiem għal aktar paċi f’dan ir-reġjun mimli kunflitti ġie mwaqqaf. L-attakk li wassal għal dan il-kunflitt, twettaq mill-grupp tal-Hamas. Irridu nirrimarkaw li lgrupp tal-Hamas mhumiex il-poplu Palestinjan. Illum il-poplu Palestinjan għaddej minn martirju sħiħ, jiffaċċja mblokk u assedju. Jiffaċċja kastig kollettiv. Kastig kollettiv li minnu qegħdin ibatu familji fosthom it-tfal.

Kastig kollettiv li ħalla eluf ta’ persuni bla dar. Oħrajn ħarbu minn fejn kienu jgħixu. L-attakk tal-Hamas hu kundannabbli. L-istess kif għandhom ikunu kkundannati l-attakki minn Iżrael fuq Gaża. Huma attakki li mhux se jgħinu biex tinkiseb il-paċi. Huma attakki li qegħdin iħallu vittmi innoċenti. F’dan il-mument trid tintwera solidarjetà mal-vittmi innoċenti kemm Palestinjani u kemm Iżraeljani.

F’mument bħal dan nistennew reazzjoni b’saħħitha mill-komunità internazzjonali. Reazzjoni biex ma jibqgħux jinqatlu persuni ċivili. Reazzjoni attiva biex il-kunflitt jieqaf. Sfrotunatament sa issa rajna biss reazzjoni dgħajfa għallaħħar.

Ekonomija

Sport