It-tim wara Kayak for Charity, Dorian u Albert, se jkunu qed jaffaċċjaw sfida ġdida din is-sena bil-għan li jkomplu jġeddu s-sapport tagħhom lejn Inspire Foundation Malta. Din id-darba huma se jkunu qed jaqdfu bil-kenuri, b’risq l-Inspire.
Is-sena li għaddiet, Dorian u Albert qadfu aktar minn 1000 kilometru. Il-vjaġġ tagħhom ħadhom minn Malta għal Sqallija. Huma mbagħad daru wkoll id-dawra kollha ma’ Sqallija. Vjaġġ li ħa kważi xahar sħiħ biex jintemm. Din is-sena, it-tim se jkun qed iħejji ruħu għal avventura ġdida fejn se jkunu l-ewwel persuni li se jużaw kenuri tat-tip OC1 biex jaqdfu madwar Malta, kollox b’risq l-Inspire.
Albert u Dorian huma l-uniċi persuni f’Malta li għandhom kenuri tat-tip OC1. Dawn il-kenuri jintużaw waqt sport kompetittiv. Waħda mill-akbar sfidi hija li jridu jużaw tip ta’ qadfa differenti, kif ukoll l-ispazju fejn joqgħodu bilqiegħda huwa differenti minn dak ta’ kayak. Kawża ta’ dan, huma jaf ikollhom jaffaċjaw uġigħ ta’ dahar waqt li jkunu qed iwettqu dan il-vjaġġ. Apparti minn hekk, il-kenuri għandhom spazju limitat fejn jista’ jinżamm l-ikel u x-xorb u b’hekk iridu jkunu verament dixxiplinati biex iqassmu l-ikel u x-xorb għal matul il-vjaġġ. Dan hekk kif huma se jkunu qed iwettqu l-vjaġġ mingħajr assistenza. Wieħed irid jiftakar ukoll li dawn iż-żewġ eroj mhumiex xi zgħazagħ, imma din ma taqtgħalhomx qalbhom.
Id-distanza li se jkunu qed jaqdfu hija dik ta’ 42 mil nawtiku, jew madwar 75 kilometru. Il-vjaġġ sħiħ għandu jieħu madwar 12-il siegħa ta’ qdif u sforz u tbatija. Madanakollu jiddependi ħafna wkoll fuq il-kundizzjonijiet tat-temp. Dorian u Albert qed jimmiraw li jagħmlu dan il-vjaġġ f’Awwissu wara l-festa ta’ Santa Marija.
Fl-2021, huma rnexxielhom jiġbru s-somma meraviljuża ta’ €20,000 għal Inspire Foundation. Din is-sena, qed jittamaw li jiksru r-rekord tagħhom stess. Dawk kollha interessati li jissapportjaw lil Kayak for Charity f’dan il-vjaġġ jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom billi jagħfsu fuq waħda mill-buttuni tad-donazzjonijiet fuq din il-paġna: https://inspire.org.mt/kayakforcharity/
Jekk tixtieq tagħmel donazzjoni ikbar mill-għażliet disponibli, tista’ tibgħat email lil [email protected] biex tagħmel id-donazzjoni tiegħek.
Għal aktar informazzjoni, żur https://inspire.org.mt/